Ekonomija Kummerċ Lokali

“Ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna għandha titnaddaf mill-iktar fis” – Joe Farrugia

“Huwa vitali li mill-iktar fis titnaddaf ir-reputazzjoni ta’ pajjizna għax dan huwa l-iktar fattur prinċipali sabiex inkunu nistgħu nattiraw investiment ġdid lejn din il-gżira.”

Dan kien il-ħsieb prinċipali mid-Direttur Ġenerali tal-MEA Joe Farrugia meta indirizza konferenza virtwali organizzata mill-Assoċazzjoni ta’ Min Iħaddem bit-tema bilanċ bejn sotenibbiltà fit-tkabbir ekonomiku u l-kwalità tal-ħajja.

Huwa qal li fost oħrajn għandhom jiġu indirizzati ċerti aspetti soċjali sabiex min ħaddem jidentifika opportunitajiet għal aktar tkabbir ekonomiku. Problema oħra li qed jaffaċċja pajjiżna hija ż-żieda fil-kirjiet… fejn min iħaddem qed isibha diffiċli li jżid il-pagi tal-ħaddiema tiegħu sabiex ikunu jistgħu jlaħħqu ma’ din iż-żieda.

Farrugia qal li għandu jkun indirizzat l-impatt soċjali u ekonomiku li qed tħalli fuq pajjiżna ż-żieda fil-popolazzjoni. Sabiex pajjiżna jattira iktar investiment, apparti ambjent sabih għandu jkun hemm ukoll etika b’saħħitha fis-suq tax-xogħol. Huwa sostna li  r-riżorsa umana hija l-iktar riżorsa b’saħħtija f’pajjiżna għalhekk għandu jkun hemm iktar parteċipazzjoni tan-nisa u ta’ pensjonanti fid-dinja tax-xogħol. Apparti dan għandha wkoll titnaqqas il-gender pay gap hekk kif din qed toħloq diskriminazzjoni kbira bejn in-nisa u l-irġiel.  

Min-naħa tagħha l-President tal-MEA Joanne Bondin qalet li kif nitrattaw l-ambjent ta’ madwarna jaf jaffettwa l-ħajja fil-futur għalhekk huwa importanti li jkun hemm enerġija nadifa. Apparti dan hija tkellmet fuq l-importanza ta’ governanza tajba f’pajjiżna għaliex din ukoll jaf ikollha effett fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna.  

Hija tkellmet ukoll fuq il-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol kif ukoll fuq il-pernsjonijiet. Apparti dan hija qalet li iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed tiżdied il-pressjoni sabiex ikun hemm bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja soċjali Quddiem dan kollu hija sostniet li anke min iħaddem għandu d-dritt li jkollu l-ħin liberu tiegħu… ir-right to disconnect.  

Fl-inidirizz tiegħu, il-Professur Philip Von Brockdorff qal li l-GDP juri s-saħħa ekonomika  ta’ pajjiż, iżda dan, waħdu biss mhux biżżejjed biex ikollok soċjeta b’saħħitha. Għalhekk huwa qal li għandha tingħata importanza lis-social wellbeing, it-tibdil fil-klima u li jkun hemm governanza tajba.

Huwa qal li l-Ewropa għandha bżonn ta’ mudell ġdid ta’ tkabbir b’enfasi fuq l-ambjent.. fejn huwa neċesarju li l-Unjoni Ewropea toħloq bilanċ bejn il-benesseri soċjali u l-aspett ambjentali.

L-Ekonomista Marie Briguglio tkellmet fuq il-proġett ta’ Wellbeing Index li kien imniedi sitt xhur ilu.. Permezz ta’ dan il-proġett qed tinġabar data li permezz tagħha tagħti stampa ċara ta’ kif qed tevolvi s-soċjeta Maltija. L-iktar affarijiet li jaffettwaw il-mod ta’ kemm huwa sodisfatt il-poplu Malti huma x-xogħol, il-paga, is-saħħa kif ukoll parteċipazzjoni f’attivitajiet diversi. Paragun mal-pajjiżi tal-EU, il-poplu Malti b’mod ġenerali huwa sodisfatt, iżda joħroġ biċ-ċar li huwa inqas sidusfatt fejn jidħol il-ħin liberu.

L-Ekonomista JP Fabri qal li huwa importanti li jkun hemm ekonomija li tħares lejn il-Prodott Gross Domestiku iżda anke lejn elementi oħra li qed jaffettwaw is-soċjetà Maltija. Studju li sar ta’ ħarsa ċara lejn l-importanza li jkun hemm patt soċjali bejn l-imsieħba soċjali kollha.  

Huwa qal li rridu nikkrejaw Malta li rridu ngħixu fiha issa u anke fil-futur. Dan għandu jsir billi jkun hemm miri fil-qasam tal-benesseri soċjali fejn fost l-oħrajn għandu jkun hemm valuri soċjali sodi fost dawk li jfasslu l-politika ta’ pajjiżna. Din l-analiżi kollha għandha tibda billi tingħata ħarsa ċara lejn it-trends li qed jinfluwenzaw il-mod ta’ kif jaħseb il-poplu Malti.