Internazzjonali

Iran: Jivvutaw għal President ġdid li mistenni jkun ‘għadu tar-riforma’

L-elettorat fl-Iran —  meqjus li jammonta għal xi 60 miljun persuna — qed jivvota għall-President ġdid tal-pajjiż, meta irid jagħżel wieħed minn erba’ kandidati biex jieħu post Hassan Rouhani; il-politiku moderat li qed jispiċċa minn President tal-Iran.

Ħafna osservaturi qed jgħidu li l-elezzjoni hi biss farsa u li r-riżultat ilu magħruf għal diversi xhur. L-indikazzjonijiet kollha juru li l-President ġdid se jkun kandidat li jopponi r-riforma fil-pajjiż u li hu qrib ħafna tal-ġerarkija Iżlamika konservattiva taħt it-tmexxija tal-Ayatollah Ali Khamenei; il-Mexxej Suprem tal-Iran fundamentalista.

L-istħarriġ tal-opinjoni qed juru li r-reliġjuż konservattiv Ebrahim Raisi, li fl-aħħar xhur kien qed imexxi lill-ġudikatura tal-Iran, hu ‘il-favorit ċar li jirbaħ l-elezzjoni’. Raisi ilu żmien alleat akbir ta’ Khamenei u anki ilu jissemma bħala ‘is-suċċessur potenzjali ta’ Rouhani’.

Intant, id-dissidenti u riformisti Iranjani sejħu biex il-poplu jibbojkottja l-elezzjoni wara li l-awtoritajiet Iżlamiċi waqqfu diversi kandidati — fil-parti kbira moderati — milli jikkuntestaw għall-Presidenza. Id-dissidenti qalu li dan il-pass kien premeditat u  ‘ħalla lil Raisi mingħajr kompetizzjoni serja’.

Ir-riżultati ta’ din l-elezzjoni mistennija joħorġu nhar is-Sibt, bl-Ayatollah Khamenei ikun fost tal-ewwel li xeħet il-vot tiegħu f’Tehran. Fl-istess ħin, l-Ayatollah enfasizza l-importanza li kull Iranjan jaqdi dmiru u jivvota fi proċess li se jiffissa l-politika u direzzjoni tal-Iran matul is-snin li ġejjin.

.