Lokali

L-AZAD bi programm li jfakkar is-700 anniversarju mill-mewt ta’ Dante Alighieri

Malta qed tingħaqad mal-Italja u pajjiżi oħrajn fid-dinja fejn qed jiġi mfakkar is-700 anniversarju mill-mewt ta’ Dante Alighieri.

Għal din iċ-ċelebrazzjoni ġie mħejji programm bl-inizjattiva tal-Akkademja għall-Iżvilupp ta’ Ambjent Demokratiku (AZAD), flimkien ma’ l-Istitut Kulturali Taljan u l-Klabb Kotba Maltin li wkoll qed jiċċelebra il-50 sena mit-twaqqif tiegħu permezz tal-mibki Pawlu Mizzi.

Il-parti ewlenija tal-programm ser issir fid-Dar tal-Mediterran għall-Konferenzi (Sala MA Grima) nhar l-Erbgħa, 23 ta’ Ġunju 2021 fis-7.00 ta’ filgħaxija bit-tnedija ta’ Edizzjoni Ġdida tad-Divina Commedia maqluba għall-Malti minn Alfred Palma.  Palma huwa magħruf għat-traduzzjonijiet ta’ klassiċi minn awturi kbar bħal Shakespeare,

Id-Divina Commedia bil-Malti minn Palma kienet ġiet pubblikata għall-ewwel darba fl-1991, iżda ilha out of print madwar 25 sena.  Huwa għalhekk li għall-anniversarju tal-mewt ta’ Dante Alighieri ġie deċiż li jkun xieraq li l-Maltin jerġa’ jkollhom opportunità li jsibu f’idejhom din l-opra ta’ valur kulturali ammirata fid-dinja kollha.

Fil-programm tat-tnedija ta’ din l-Edizzjoni ġdida, li jgawdi wkoll il-patroċinju tal-Ambaxxata Taljana, ser jagħmel id-diskors ewlieni l-President Emeritu Dr Ugo Mifsud Bonnici, u ser jagħtu messaġġ qasir l-Ambaxxatur tal-Italja għall-Malta, Dott. Fabrizio Romano, flimkien ma’ Dott. Massimo Sarti, Direttur tal-Istitut Kulturali Taljan, Dr Louis Galea, President tal-AZAD, u Richard Muscat, President tal-Fondazzjoni Fortunato u Enrico Mizzi.  Is-serata tat-tnedija ser ikollha l-parteċipazzjoni prestiġjuża tal-Prof. Claudio Marazzini, President tal-Akkademja della Crusca li jwassal il-messaġġ tiegħu online. Jagħlaq il-programm l-awtur tat-traduzzjoni bil-Malti, is-Sur Alfred Palma.

Il-mistednin u dawk li jattendu ser ikollhom opportunità li japprezzaw il-versi  ta’ parti minn Canto 26 meħud mill-Infern ta’ Dante permezz ta’ qari bil-verzjoni Maltija minn atturi magħrufin Maltin, u dawk bil-versi oriġinali minn studenti Maltin mid-Dipartiment tat-Taljan fl-Università ta’ Malta.

L-atturi huma Mikhail Basmadjan, Charlotte Stafrace, Paul Portelli, u Glen Bonnici, Patrick Sammut, Ilaria Labbate.

Il-programm tal-ġurnata dedikat lill-poeta ewlieni Taljan jinkludi ċerimonja li fiha jitpoġġew kuruni tal-fjuri fi ħdan il-monument ta’ Dante Alighieri li jinsab il-Furjana.  Dan il-monument, magħruf bħala wieħed mill-isbaħ monumenti ta’ Dante fid-dinja, huwa magħmul mill-iskultur ċelebri Malti Vincent Apap.

Iċ-ċerimonja simbolika tkun immexxija minn Fabrizio Romano, Ambaxxatur ta’ l-Italja, u minn Louis Galea, President tal-AZAD u Paul Borg Olivier, President tas-Socjetà Dante Alighieri.

Din l-edizzjoni ġdida tad-Divina Commedia bil-Malti tinsab għal bejgħ mill-librara ewlenin bil-prezz ta’ €58, u bi prezz speċjali ta’ qabel it-tnedija ta’ €50 minn Klabb Kotba Maltin.