Futbol Lokali Sport

“Li ġara lil Eriksen jurina kemm il-futbol huwa aktar minn logħba fil-ground”- il-President tal-FIFA

(Ritratti: Matthew Tabone)

Waqt żjara qasira li kien qed jagħmel f’pajjiżna, fejn fost l-oħrajn inawgura mużew bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-120 sena minn meta twaqqfet l-MFA, il-President tal-FIFA Gianni Infantino flimkien mal-President tal-MFA Bjorn Vassallo ndirizzaw lill-midja tard l-Ġimgħa wara nofsinhar.

Għall-mistoqsija ta’ Net News dwar x’kienu l-ħsibijiet tiegħu meta ra dak li seħħ lil Chrisitian Eriksen waqt il-partita kontra l-Finlandja, il-President tal-FIFA qal li l-futbol huwa aktar minn logħba fil-ground filwaqt li faħħar il-ħidma li għamlu t-tobba li assistew lil Eriksen fil-ground. Dwar l-impatt tal-Covid-19 fuq il-futbol madwar id-dinja, Infantino qal li dan il-virus wriena kemm aħna vulnerabbli u kemm il-futbol jgħaqqadna.

Il-President tal-FIFA qal li l-FIFA kienet l-unika organizzazzjoni sportiva li ħoloqt fond monitarju sabiex jgħin lill-assoċjazzjonijiet jirkupraw. Infantino qal li l-futbol se jilgħab parti importanti sabiex jerġa jgħaqqad lid-dinja hekk kif il-futbol huwa sports li jgħaqqad lin-nies minn partijiet differenti tad-dinja.

Dwar il-possibilità li t-Tazza tad-Dinja tibda ssir kull sentejn, Infantino qali li bħalissa għaddejin studji dwar dan hekk kif l-FIFA torganizza biss tournament wieħed kull erba’ snin u ma ċaħadx il-possibilità li fil-futur isiru tournaments bejn nazzjonijiet oħra żgħar sabiex kulħadd ikollu l-opportunità li jikkompeti f’kompetizzjonijiet ta’ livell għoli.

Gianni Infantino faħħar ukoll il-ħidma li saret taħt it-tmexxija tal-President tal-MFA Bjorn Vassallo fl-aħħar snin fejn minbarra li faħħar l-infrastruttura faħħar ukoll l-mod ta’ kif l-MFA qed tindirizza l-governanza u anke kellu kliem ta’ tifħir għall-istrateġija li l-MFA nediet fil-ġimgħat li għaddew.

Fi tmiem il-konferenza, Infantino preżenta token kommemorattiv lill-President tal-MFA taż-żjara tiegħu f’pajjiżna.