Atletika Sport

Malta timmira għall-promozzjoni fil-Kampjonati Ewropej tat-Timijiet

It-Tim Nazzjonali Malti tal-Atletika ħalla Malta għal Limassol, Ċipru, fejn tmien din il-ġimgħa se jkun qed jieħu sehem fit-Tielet Diviżjoni tal-Kampjonati Ewropej. Minkejja l-fatt li t-tim se jkun qed jikkompeti ma’ oppożizzjoni b’saħħitha, inklużi nazzjonijiet akbar bħas-Serbja u l-Ġorġja, id-delegazzjoni Maltija hi fiduċjuża li l-atleti Maltin se jkunu qed joffru prestazzjoni tajba biex pajjiżna jidħol fiċ-ċans għal wieħed minn tliet postijiet disponibbli għall-promozzjoni fit-Tieni Diviżjoni.

Uħud mill-aqwa atleti fid-dinja se jkunu qed jieħdu sehem f’dan l-avveniment, bħal Ivana Španović tas-Serbja, li hija ċ-ċampjin renjanti tad-dinja u tal-Ewropa fil-long jump indoor, kif ukoll iċ-Ċiprijott Milan Trajkovic, finalist dinji fuq il-110m hurdles.

Għat-tim Malti, il-preparazzjonijiet kienu mill-aktar diffiċli, wara li l-faċilitajiet sportivi kienu magħluqa għal xhur sħaħ u l-kompetizzjonijiet weqfin. Barra minn hekk, uħud mill-aktar atleti promettenti Maltin se jkollhom jitifu dan l-avveniment minħabba eżamijiet importanti proprju fl-istess ġranet. Minkejja dawn l-isfidi, Athletics Malta ħadmet bis-sħiħ biex tipprepara lit-tim bl-aħjar livell possibbli, inkluż bt-twaqqif ta’ struttura dedikata għat-tim nazzjonali, ir-reklutaġġ ta’ uħud mill-aqwa kowċis lokali u internazzjonali kif ukoll billi tat l-opportunità lil dawn l-atleti biex jieħdu sehem f’erba’ attivitajiet internazzjonali bi tħejjija għall-Kampjonati Ewropej. Il-parteċipazzjoni fihom kienet possibbli grazzi għall-għajnuna tal-Kumitat Olimpiku Malti u SportMalta.

Id-delegazzjoni se tkun tikkonsisti f’31 atleta flimkien ma’ erba’ kowċis, rppreżentant tekniku, tabib, fiżjoterapista u tliet masseurs bl-għan li t-Tim Nazzjonali jkun preparat l-aħħar possibbli għal din il-kompetizzjoni. Għall-ewwel darba fl-istorja ta’ din l-isport, ġew allokati wkoll inċentivi speċifiċi mill-assoċjazzjoni. Andy Grech, President ta’ Athletics Malta kkummenta: “Minkejja l-isfidi li kellna quddiemna fl-aħħar xhur, nemmnu li investejna ż-żmien, l-enerġija u l-fondi neċessarji biex nagħtu sfida denja u jkollna ċans tajjeb għal promozzjoni fit-tieni diviżjoni. It-tim Malti fih atleti ta’ kull età minn 17 sa 45 sena. Minkejja li se jkollna quddiemna sfida iebsa, nemmen li għandna wieħed mill-aqwa timijiet fl-aħħar 20 sena. Għndna taħlita ta’ esperjenza u entużjażmu, li se jkunu kruċjali biex dan l-avveniment iservi ta’ qabża oħra ‘l fuq għall-atletika, għall-bqija tal-istaġjun internazzjonali u għat-triq li għandna quddiemna għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-2023”.