Lokali

Robert Abela jibqa’ ma jippreżentax it-tax returns

L-assi kellhom jiġu ddikjarati sa mhux aktar tard minn Marzu, b'Robert Abela jippreżenta xi dokumenti f'April

Il-Prim Ministru Robert Abela huwa l-unika membru tal-Kabinett li għadu ma preżentax kif suppost id-dħul tiegħu tas-sena li għaddiet.

Il-kodiċi tal-etika jobbliga li kull membru tal-Kabinett biex jippreżenta lista tal-proprjetà kollha li għandu, depożiti fil-banek, investimenti u d-dħul kollu tas-sena ta’ qabel.

Il-Ministri u l-Prim Ministru jridu jiddikjaraw l-assi kollha tagħhom lis-Segretarju tal-Kabinett sa mhux aktar tard minn Marzu ta’ kull sena – xahar illi fih Robert Abela kien imħabbat sew bil-pandemija.

Sorsi indikaw li Abela kien ta xi dokumenti f’April, iżda ma ta l-ebda figuri… u lanqas ir-returns tat-taxxa.

Fil-fatt, il-Prim Ministru ilu xhur shah b’din il-kontroversja tat-taxxa imdendla fuq rasu. Tant li f’Jannar Robert Abela kien kontinwament qed jirrezisti li jippubblika t-tax returns, u d-dokumenti marbuta mal-VAT.

Id-dikjarazzjonijiet tal-assi jmorru pass lil hinn mill-preżentazzjonijiet finanzjarji li l-Membri Parlamentari kollha huma obbligati li jagħmlu lill-Parlament. U mill-informazzjoni li nagħtat s’issa, ħareġ li Abela għandu numru ta’ proprjetajiet u għandu xi shares fl-HSBC u anki bonds.

B’kollox il-Prim Ministru għandu 5 kontijiet tal-bank u €331,000 iddepozitati. Hu iżda ma tax informazzjoni jekk dawn hux depożiti tiegħu biss, jew ta’ martu wkoll.

Intant, minn dak li ddikjaraw il-Ministri, jispikka l-fatt li l-Ministru t’Għawdex Clint Camilleri għandu 21 proprjetà, filwaqt li l-Ministru Anton Refalo għandu 16-il proprjetà.