Għal jum ieħor, it-tieni darba f’temp ta’ tlett ijiem Malta ma rreġistrat ebda każ ġdid ta’ Covid-19 sabiex b’hekk it-total ta’ każi minn Marzu 2020 għadu qed jammonta għal 30,588.
Filwaqt li fortunatament ma ġiet irreġistrata ebda fatalità fl-aħħar 24 siegħa, bil-vittmi jibqgħu jammontaw għal 420…it-total ta’ persuni li fiequ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt kienu 3 ghal total ta’ 30,139…bil-kazi attivi issa huma 29.
Intant, fin-nuqqas tal-Konferenza tal-Aħbarijiet li kienet tindirizza darba fil-ġimgħa is-Suprintendent għas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci, hija kienet intervistata fuq il-programm Net Live l-Ġimgħa filgħaxija fejn spjegat li aktar minn nofs il-każi attivi fil-Gżejjer Maltin huma tal-varjant Ingliż. Dan filwaqt li reġgħet tenniet li fil-Gżejjer Maltin s’issa kellna biss każ uniku tal-varjant Delta…magħruf aħjar bħala dak Indjan.
Il-Prof Gauci spjegat ukoll li pajjiżna qiegħed josserva l-Varjant ġdid li feġġ fir-Russja.
Mistoqsija dwar ir-raġel ta’ 82 li sfortunatament tilef ħajtu din il-ġimgħa wara li kien tlaqqam bi sħiħ u miet kawża tal-Covid-19 hekk kif reġa’ kien infettat wara li fieq minnu…il-Professur Charmaine Gauci saħqet li l-ebda vaċċin ma huwa effettiv 100% u għalhekk xorta waħda persuna għandha żżomm l-attenzjoni.
Hija insistiet ukoll li għalkemm il-każi ġodda qed jonqsu, dan ma jfissirx li l-virus ma jinsabx fil-komunità u għalhekk importanti jinżammu l-miżuri ta’ mitigazzjoni.
B’rabta mal-appelli li qed isiru mill-membri tal-industrija tal-arti u d-divertiment sabiex ikollhom inqas miżuri ristrettivi imposti fuqhom…bħat-tiġijiet, Charmaine Gauci saħqet li rridu nibqgħu kawti u li t-tiġijiet kienu eċċezzjoni.
Intant, wara li l-Ajruport Internazzjoni ta’ Malta appella mas-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika biex il-proċess ta’ verifika tad-dokument tas-saħħa jiġi diġitalizzat kompletament, Charmaine Gauci spjegat li sakemm jintlaħaq ftehim mal-Unjoni Ewropea għalissa dan ma jistax isir filwaqt li appellat għal paċenzja mingħand kulħadd.
Il-Professur Gauci appellat sabiex min ikun se jsiefer jiċċekkja x’inhuma r-rekwiżiti tal-pajjiż konċernat, jekk ikollokx bżonn PCR test jew Rapid test biex iżżuru…fil-każ ta’ Malta persuna għandha bżonn tagħmel PCR test…la darba m’għandekx ċertifikat tal-vaċċin.
Għaldaqstant Charmaine Gauci ħeġġet lill-pubbliku sabiex jitlaqqam sabiex jevita t-taħwid żejjed meta jsiefer.
Minkejja dan tfal bejn is-6 u l-11-il sena għalissa m’għandhomx it-tilqima disponibbli għalihom iżda xorta waħda jridu jieħdu swab test barra minn Malta biex jidħlu lura f’pajjiżna…għad-differenza ta’ tfal li għandhom sa 5 snin.
//= $special ?>