EURO 2020 Futbol Gruppi Sport

EURO 2020 | Grupp F : Portugall 2 – 4 Ġermanja

Rebħa kruċjali għall-Ġermanja f’partita mimlija gowls

L-ewwel taqsima bejn dawn iż-żewġ timijiet offriet futbol spettakolari u diversi azzjonijiet ta’ gowls. Il-Portugall marru fil-vantaġġ fil-15-il minuta meta minn kontrattakk veloċi, il-ballun fit-tul ta’ Bernardo SIlva sab lil Diogo Jota, li għadda lejn Cristiano Ronaldo li mill-viċin ma żbaljax għal 1-0. Madanakollu l-Ġermanja irrispondew tajjeb hekk kif fil-35 minuta huma ġabu d-draw, meta minn cross ta’ Robin Gosens, Ruben Dias tefa’ bir-ras fil-lasta tiegħu stess. Biex erba’ minuti oħra, din id-darba kien Raphael Guerreiro li tefa’ fil-lasta tiegħu Portugiża, minn cross ta’ Joshua Kimmich, u għamel l-iskor 2-1 favur il-Ġermanja. Fl-aħħar minuta ta’ tmiem l-ewwel taqsima, minn kontrattakk veloċi Serge Gnabry ra x-xutt tiegħu salvat minn Rui Patricio.

Fit-tieni taqsima il-Ġermanja ħarġu jiddominaw u proprju fil-50 minuta skorjaw it-tielet gowl, meta wara azzjoni maħduma tajba, minn cross ta’ Robin Gosens, kien l-attakkant ta’ Chelsea Kai Havertz li mill-viċin tefa’ ġewwa għal 3-1. Il-Ġermanja komplew juru s-saħħa tagħhom meta fis-60 minuta skorjaw ir-raba’ gowl tagħhom, fejn din id-darba kien Robin Gosens li bir-ras għeleb lil Rui Patricio, minn cross ta’ Joshua Kimmich. Fis-67 minuta l-Portugall naqqsu d-distakk meta Diogo Jota ikkonkluda mill-viċin minn pass ta’ Cristiano Ronaldo.

L-ewwel ħdax inizjali għall-partita bejn l-Portugall u l-Ġermanja :

Portugall : R.Patricio, N.Semedo, Pepe, R.Dias, R.Guerreiro, C.Ronaldo, B.Silva, B.Fernandes, Danilo, W.Carvalho, D.Jota

Ġermanja : M.Neuer, A.Rudiger, M.Ginter, M.Hummels, J.Kimmich, K.Havertz, T.Kroos, S.Gnabry, R.Gosens, I.Gundogan, T.Muller

Referee : A.Taylor

Assistenti Referees : G.Beswick, A.Nunn