EURO 2020 Futbol Gruppi Sport

Il-Ġermanja ma tistax tfalli kontra l-Portugall

(Ritratt: EPA)

Il-logħba tal-leja fl-Allianz Arena ta’ Munich hi mingħajr dubju l-iktar logħba importanti tal-lejla, logħba li tista’ tkun waħda deċiżiva għaż-żewġ naħat. Il-Ġermanja ma jistgħux ifallu dan it-tieni appuntament tagħhom wara li fl-ewwel ħarġa sofrew telfa kontra ċ-champions tad-dinja Franza. Dan il-grupp imlaqqam il-grupp tal-mewt issa jidħol f’fażi mill-iktar eċċitanti.

Il-Portugall minn naħa tagħhom huma xi ftit iktar trankwilli anki jekk biex kisbu t-tliet punti kontra l-Ungerija kellhom jistennew l-aħħar minuti tal-logħba.L-Ungerija mistennija li jititlfu l-logħbiet kollha, u għalhekk id-destin ta’ dan il-grupp mistenni jkun deċiż fil-konfronti diretti bejn Franza, l-Portugall u l-Ġermanja.

Għalhekk dan hu l-ewwel test diffiċli għaċ-champions ewropej il-Portugall.L-attakkant Cristiano Ronaldo wara li bid-doppjetta tiegħu f’Budapest kiser ir-rekord ta l-iktar plejer li skorja fil-fażi finali tal-Euro, issa jkun mistenni li jkompli fejn ħalla u jipprova jniżżel ismu mal-iskorers anki kontra l-Ġermanja.

Din mhux se tkun faċli għaliex għall-Ġermanja dan hu l-aħħar ċans u rebħa biss tista’ tikkuntenta lit-tim ta’ Joachim Low.Minkejja t-telfa li waslet biss grazzi għal awtogowl ta’ Hummels, il-prestazzjoni tal-Ġermaniżi ma kinitx ħażina iżda jidher li hemm problemi fl-attak fejn Muller xejn ma kien effettiv.Il-Portugiżi jistgħu ikunu kuntenti anki bi draw, anki jekk l-aħħar logħba tagħhom hi kontra l-favoriti Franza. Din hi logħba li għandha l-ingredjenti kollha biex waħda mill-aqwa f’dan it-turnament s’issa ferm interessanti.

Grupp F: Ġermanja v Portugall 6.00pm