Lokali

Ir-residenti Skalin inkwetati dwar il-kompetizzjoni tad-disinn tal-MTA għar-riġenerazzjoni ta’ Wied il-Għajn

“Ir-residenti ta’ Wied il-Għajn jixirqilhom u ghandhom id-dritt li jiġu kkonsultati b’mod miftuħ u xieraq dwar il-futur tal-lokalita’ tagħhom.”

Hekk stqarr Andre Callus, attivist fi ħdan il-moviment Graffitti, waqt konferenza tal-aħbarijiet illi saret matul il-jum tas-Sibt f’Wied il-Għajn.

Ftit tal-ġimgħat ilu, l-Awtorità għat-Turiżmu ħabret Kompetizzjoni tad-disinn għar-riġenerazzjoni ta’ Wied il-Għajn, iżda r-residenti Skalin jinsabu mħassba għaliex fil-passat, proposti bħal dawn waslu għal żviluppi esaġerati li qerdu l-karattru ta’ Marsascala.

Kompetizzjoni tad-disinn għar-riġenerazzjoni ta’ Wied il-Għajn

John Baptist Camilleri, minority leader fil-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn u resident tal-lokal,stqarr illi xi sena ilu s-sindku ħabbar sotto-kumitat għar-riġenerazzjoni ta’ Wied il-Ġħajn. Madanakollu, Camillieri qal li dan il-kumitat ħadem fuq diversi proposti għal Wied il-Għajn minn wara dahar ir-residenti u bil-għan li jissodisfa l-interessi kummerċjali ta’ ċirku żgħir ta’ individwi.

John Baptist Camilleri spjega kif dan il-kumitat eventwalment ġie xolt grazzi għall-pressjoni tar-residenti fuq il-Kunsill Lokali iżda l-pożizzjoni tas-sindku baqgħet li l-istess nies ikomplu jgħaddu l-ideat tagħhom b’modi oħra.

Is-soċjologu Godfrey Baldacchino, li huwa wkoll resident ta Wied il-Għajn insista fuq l-importanza tal-ambjent.

“Il-PM qalilna li l-visjoni ekonomika għall-10 snin li ġejjin trid titmexxa minn sens ta’ kreattivita u visjoni. Din il-visjoni se tkun imsejsa fuq 5 pilastri ekonomiċi … il-kwalita tal-hajja, infrastruttura, edukazzjoni, governanza tajba u l-ambjent. Minn dawn il-5 pilastri, l-ambjent huwa l-iktar importanti. Nixtiequ naraw li dan li qieghed jgħid issir tassew… dan għaliex aħna m’aħna qed naraw ebda sens ta’ kreattivita’ u inovazzjoni fil-mod ta’ kif qed jitħalla jsir żvilupp li jirregolarizza attivita’ li tgheri l-ġid komuni u u teqred ir-riżorsi ambjentali li baqalna f’Marsascala” – Godfrey Baldacchino

Il-Kunsillier Nazzjonalista John Baptist Camilleri appella biex ma jintilifx il-karattru uniku ta’ Marsascala.

Minn naħa tiegħu, Godfrey Baldacchino appella għal pjan ħolisitku għal Wied il-Għajn.