Lokali

L-awtoritajiet jibqgħu ma jagħtux permess ta’ filming fil-ħabs

Aktar minn ġimgħa w’nofs ilu, l-Awtorità tax-Xandir fi stqarrija qalet li l-intelliġenza tal-poplu ma tistax tiġi insulentata. Din l-istqarrija l-Awtorità għamlitha b’referenza diretta għal filmat dwar l-istat tal-ħabs, wara lment li sar mid-Dekan tal-Fakultà tal-Benesseri Soċjali fl-Universita ta’ Malta, Andrew Azzopardi, u l-preżentatur Peppi Azzopardi.

Aktar minn hekk, l-Awtorità ordnat li jsir filmat ieħor minn producer differenti li juri l-istat vera tal-ħabs.

Iżda din id-deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir, ma niżlet tajjeb xejn mal-Ministru li taħtu taqa’ r-responsabbiltà tal-Ħabs.. Byron Camilleri. Il-Ministru filfatt stqarr ċar u tond li ma jaqbilx ma’ dak li qalet l-Awtorità tax-Xandir.

Din l-istqarrija tistona ferma mar-retorika tal-Gvern“inħallu l-istituzzjonijiet jaħdmu”.

Net News kien ilu jitlob permess biex jidħol il-ħabs sabiex jagħmel servizz simili, madankollu kienet miċħuda t-talba li flimkien mal-ġurnalist jitħalla jidħol cameraperson. Minkejja dan, il-Ministru Camilleri irid jieħu l-kredtu li hu ħalla l-media tidħol il-ħabs.

Wara ċ-ċamata li tat l-Awtorità tax-Xandira, Net News fil-bidu tal-ġimgħa reġa’ talab permess li jidħol fil-faċilità b’camera.

Iżda minkejja għadd ta’ reminders mibgħuta, u li fihom kien dejjem ikkuppjat il-Ministru, din it-talba qed tiġi injorata totalment.

Intant fl-aħħar ġranet kelmuna diversi persuni li semmewlna għadd ta’ kundizzjonijiet inaċċettabli fil-ħabs. Fost dawn, qalulna li diviżjoni partikolari ilha ħames ġimgħat mingħajr ilma. Dan ifisser li l-priġunieri biex jinħaslu qed jinħarġu fil-btieħu u biex jinħaslu jridu jużaw pajp f’nofs il-bitħa.

Il-faċilitajiet fiċ-ċelel ukoll jinsabu bla ilma u biex jifflaxxjaw, priġunieri  huma intitolati jdaħħlu barmil ilma wieħed kuljum.

Kundizzjonijiet li żgur li ma jirriflettux tajjeb fuq l-amministrazzjoni tal-ħabs u li mhumiex f’rispett tad-dinjità tal-priġunier li suppost qed ikun riabilitat.

Net News se jibqa’ jinsisti li jingħata l-opportunità jidħol fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin bil-cameras biex il-pubbliku jkun jista’ jara x’inhi verament is-sitwazzjoni wara l-bibien ta’ Kordin.