EURO 2020 Futbol Sport

Minn Malta għall-Euro 2020…kontu tafu bihom dawn?

Il-presentazzjoni lit-tim nazzjonali Ingliż, champions tal-Euro 2014 ta' taħt is-17-il sena, li kienet saret f'Malta.

Mill-edizzjoni tal-Euro 2014 ta’ taħt is-17-il sena li kienet saret f’Malta, illum fil-Euro 2020 hemm biss ħames ismijiet li qed jilgħabu

Seba’ snin ilu, fl-2014, pajjiżna kien organiżża l-akbar turnament internazzjonali tal-futbol li qatt sar f’Malta, il-Kampjonati Ewropej ta’ taħt is-17-il sena. Dak in-nhar, Malta kienet fost it-tmien pajjiżi finalisti tat-13-il edizzjoni ta’ din il-kompetizzjoni, u li kienet mirbuħa mill-Ingilterra.

Il-pajjiżi l-oħra li kienu finalisti f’din il-kompetizzjoni li ntlagħbet f’tliet stadiums differenti f’Malta u f’Għawdex, kienu: Ġermanja, Olanda, Portugall, Skozja Turkija u Żvizzera. Jekk mit-tmien pajjiżi finalisti, naqgtħu barra lil Malta, is-seba’ pajjiżi l-oħra ta’ dik l-edizzjoni, seba’ snin wara, huma fost l-24 tim finalist tal-Euro 2020. Għaldaqstant, bir-raġun li wieħed jistaqsi, jekk mill-lista ta’ plejers li kienu lagħbu f’Malta fl-2014, illum hemmx minnhom li jiffurmaw parti mis-selezzjoni finali tal-iskwadra nazzjonali ta’ pajjiżhom.

Ir-risposta hija iva, iżda jekk wieħed qed jistenna li jara xi lista twila ta’ plejers, mifruxa fost diversi pajjiżi, allura se joħroġ diżappuntant. Dan għaliex it-total ta’ plejers hu biss ta’ ħamsa, għalkemm faċilment setgħa kien akbar li kieku ċertu plejers ma kienux sfortunati biżżejjed li jsoffru injury eżatt fil-perjodu tal-Euro 2020.

Il-ħames plejers li qed jilgħabu fil-Euro 2020, u li lagħbu fil-Kampjonati Ewropej ta’ taħt is-17-il sena, li saru f’Malta fl-2014, huma tliet plejers Portugiżi, Tork u Żvizzeru.

Rúben Dias | Difensur ċentrali Portugiż ta’ 24 sena li jilgħab ma’ Manchester City

Ruben Dias

Rúben Dias hu plejer regolari fl-iskwadra tal-kowċ nazzjonali Portugiż, Fernando Santos. Id-difensur ta’ Manchester City, kien wieħed miż-żewġ ċentrali ta’ wara tal-Portugall, fl-ewwel partita tal-Euro 2020, u li ċ-champions Ewropej rebħu 3-0 kontra l-Ungerija.

Manchester City kienu akkwistaw lil Rúben Dias mingħand Benfica, għas-somma ta’ €68 miljun.

L-istaġun li għadu kemm intemm kien wieħed pożittiv għal Rúben Dias, hekk kif kien l-ewwel wieħed tiegħu f’Kampjonat li ma kienx dak Portugiż, wara li fis-sajf li għadda ssieħeb lil The Sky Blues mingħand Benfica, għas-somma ta’ €68 miljun. Matul dan l-istaġun, Rúben Dias kien għażla regolari fl-iskwadra tal-kowċ Pep Guardiola, u mingħajr dubju dan l-ewwel staġun tiegħu fl-Ingilterra kompla jgħinu jikber fil-maturitá kalċistika tiegħu, hekk kif kien parti minn tim li rebaħ il-Premier League u falla l-finali tal-UEFA Champions League.

Ruben Dias

Sena biss wara t-trasferiment tiegħu għal ma’ Manchester City, il-valur ta’ Rúben Dias diġa’ għola fis-suq, u preżentament jiswa’ €75 miljun. Id-debutt tiegħu fit-tim nazzjonali tal-kbar tal-Portugall, għamlu tliet snin ilu, u minn dak iż-żmien ‘l hawn hu lagħab mat-30 partita internazzjonali u skorja darbtejn.

Rúben Neves | Midfielder centrali Portugiż ta’ 24 sena li jilgħab ma’ Wolverhampton Wanderers

Ruben Neves

Meta seba’ snin ilu, Rúben Neves kien lagħab f’pajjiżna mat-tim tal-Portugall ta’ taħt is-17-il sena, hu kien għadu ma ddebuttax mat-tim tal-kbar ta’ Porto.  Fis-sajf tal-2017, Rúben Neves iffirma mat-tim tal-Premier League Ingliż, Wolverhampton Wanderers, li bħala kowċ kellhom lill-Portugiz, Nuno Espírito Santo.

Il-valur fis-suq preżenti ta’ Rúben Neves hu ta’ €45 miljun.

Is-somma li tħalset mill-klabb minn West Midlands, għal dan it-talent li kapaċi jilgħab f’nofs il-grawnd iżda kapaċi ukoll iservi fir-rwol ta’ holding midfielder, kienet ta’ €17-il miljun. Wara erba’ staġuni b’esperjenza ta’ futbol Ingliż, bl-ewwel sena tkun fil-League Championship, iżda fit-tliet snin ta’ wara hu lagħab fl-ogħla diviżjoni, kienu strumentali biex Rúben Neves żied fil-valur tiegħu fis-suq, u llum hu stmat li jiswa’ €45 miljun.

Ruben Neves

Minn meta ssieħeb lil Wolverhampton Wanderers mingħand Porto, Rúben Neves kemm il-darba kien fil-mira ta’ klabbs akbar fl-Ingilterra, fosthom Liverpool, Manchester United u aktar riċenti, Arsenal. Il-kuntratt eżistenti tiegħu ma’ Wolverhampton Wanderers jiskadi f’Ġunju tal-2023.

Renato Sanches | Midfielder ċentrali u offensiv Portugiż ta’ 23 sena li jilgħab ma’ Lille

Renato Sanches

Meta Renato Sanches kien lagħab f’Malta, fl-iskwadra nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena, immexxija mill-kowċ Emílio Peixe, kien għad kellu biss 16-il sena. L-esperjenzi li għaddha minnhom dan il-plejer f’dawn l-aħħar seba’ snin, kienu diversi u wasluħ biex jirbaħ l-unuri ukoll.

Fl-2016, meta l-Portugall rebħet il-Euro 2016, Renato Sanches kien parti mill-iskwadra ta’ plejers magħżula mill-kowċ Fernando Santos. F’dik l-edizzjoni, fl-etá ta’ 18-il sena, dan it-talent ta’ nofs il-grawnd kien lagħab f’parti kbira mit-turnament, tant li kien beda’ mal-ewwel ħdax fil-finali li l-Portugal kienu rebħu kontra Franza, nhar l-10 ta’ Ġunju 2016.

Fis-sajf tal-2019, Renato Sanches ħalla lil Bayern Munich u ffirma ma’ Lille, fi Franza, din id-darba għas-somma ta’ €20 miljun.

Renato Sanches

Renato Sanches kapaċi jilgħab f’kull rwol f’nofs il-grawnd. Fis-sajf tal-2016, hu kien ħalla lit-tim Portugiż ta’ Benfica, biex issieħeb lil Bayern Munich fil-Ġermanja għas-somma ta’ €35 miljun. Fl-istaġun ta’ wara, Renato Sanches kien misluf lit-tim tal-Premier League Ingliż, Swansea City u fl-2018/19 hu reġa’ irritorna jilgħab ma’ Bayern Munich, fejn magħhom rebaħ il-Bundesliga Ġermaniża. Fis-sajf tal-2019, Renato Sanches ħalla lil Bayern Munich u ffirma ma’ Lille, fi Franza, din id-darba għas-somma ta’ €20 miljun.

Wara żewġ staġuni fil-Ligue 1, Renato Sanches irnexxilu jirbaħ it-tielet Kampjonat tiegħu f’tliet pajjiżi differenti, meta fl-istaġun li għadu kemm intemm, hu kien parti mit-tim tal-kowċ Christopher Galtier, Lille li rebaħ ir-raba’ titlu ta’ champion ta’ Franza fl-istorja.

Enes Ünal | Attakkant Tork ta’ 24 sena li jilgħab ma’ Getafe

Enes Ünal

Fil-Euro 2014 ta’ taħt is-17-il sena, li kienet saret f’Malta, l-attakkant Tork kien il-captain tal-iskwadra. Hu kien lagħab tliet partiti u skorja darbtejn f’dak it-turnament. Seba’ snin wara, dan il-plejer hu wieħed mill-attakkanti magħżula mill-kowċ Senul Güneş għall-Euro 2020. Madankollu, fl-ewwel żewġ partiti ta’ din il-kompetizzjoni Ünal għadu ma lagħab qatt mat-Turkija.

Sentejn wara li ssieħeb lil Manchester City, Enes Ünal ssieħeb mal-klabb Spanjol ta’ Villarreal għas-somma ta’ €15-il miljun.

Ünal jilgħab fil-Liga Spanjola ma’ Getafe. L-istorja tiegħu hi waħda interessanti. Meta lagħab f’Malta, Ünal kien plejer ta’ Bursaspor u fis-sajf tal-2015, hu ffirma ma’ Manchester City għas-somma ta’ €2 miljuni. Mal-klabb Ingliż, Ünal qatt ma lagħab u dejjem kien ikun misluf lil klabbs oħra. Madankollu, sentejn wara li ssieħeb lil Manchester City, hu ssieħeb mal-klabb Spanjol ta’ Villarreal għas-somma ta’ €15-il miljun.

Ma’ Villarreal, Ünal lagħab diversi partiti u skorja ukoll iżda mhux bl-abbundanza. Sussegwentament hu kien trasferit għal ma’ Real Valladolid, dejjem fil-Liga Spanjola, u magħhom kellu żewġ staġuni tajbin fejn lagħab regolari. Fis-sajf tas-sena l-oħra, Ünal mar b’self għal staġun ma’ klabb ieħor Spanjol, Getafe fejn f’staġun sħiħ, fil-Kampjonat skorja erba’ gowls.

Enes Ünal

Sal-lum, mat-tim nazzjonali Tork, lagħab 22 partita u skorja żewġ gowls. Iżda l-aqwa ta’ dan il-plejer ma’ pajjiżu, kien meta lagħab mat-timijiet nazzjonali ta’ taħt is-16 u s-17-il sena. Mat-tim nazzjonali Tork ta’ taħt is-16-il sena, Ünal lagħab 24 partita u skorja 25 gowl filwaqt li mat-tim ta’ taħt is-17-il sena, hu lagħab 12-il logħba u skorja disa’ darbiet. It-talent ta’ dan il-plejer baqa’ b’saħħtu, iżda forsi mhux bl-istess konsistenza li kien qed jispikka fil-livell taż-żgħar. Jibqa’ fatt iżda li dan il-plejer hu wieħed mill-attakkanti li ntagħżlu mill-kowċ nazzjonali Tork għall-Euro 2020, u l-bidu tiegħu, fuq livell internazzjonali, kellu l-għeruq tiegħu minn Malta.

Djibril Sow | Midfielder Żvizzeru ta’ 24 sena li jilgħab ma’ Eintracht Frankfurt

Djibril Sow

Il-ħames u l-aħħar plejer f’din il-lista ta’ ismijiet li seba’ snin ilu lagħbu fil-Euro 2014 ta’ taħt is-17-il sena li kienu saru f’pajjiżna, u llum qed jirrapreżentaw lil pajjiżhom fit-tim tal-kbar, fis-16-il edizzjoni tal-Kampjonati Ewropej għan-nazzjonijiet membri tal-UEFA, hu l-Iżvizzeru ta’ 24 sena, Djibril Sow. F’Ġunju tal-2014, Sow lagħab fit-tliet partiti li l-Iżvizzera lagħbet f’pajjiżna, u dak in-nhar, hu kien plejer ta’ FC Zürich, wieħed mill-klabbs ewlenin fl-Iżvizzera.

Sa minn etá żgħira, Sow minn dejjem kien magħruf għall-kwalitá ta’ passaġġi li kapaċi jagħti f’logħba, kif ukoll għal mod attent li biħ kapaċi jiddefendi u jagħmel tackles effettivi, mingħajr fawl. Sena wara li lagħab fil-Euro 2014 f’Malta, Sow iffirma mal-klabb Ġermaniż tal-Bundesliga, Borussia Mönchengladbach għas-somma ta’ €1.5 miljuni. L-esperjenza tiegħu ma’ dan il-klabb damet biss żewġ staġuni u li fihom, Sow, li għandu ukoll dixxindenza Senegaljana, lagħab aktar fil-Kampjonat Reġjonali Ġermaniż, mat-tieni tim ta’ Borussia Mönchengladbach. Fis-sajf tal-2017, Sow irritorna jilgħab f’pajjiżu ma’ BSC Young Boys. Ma’ dan il-klabb ewlieni Żvizzeru, Sow lagħab għal żewġ staġuni u matulhom hu rebaħ żewġ Super Leagues. Kienu żewġ staġuni pożittivi anke fuq livell personali, tant li fis-sajf tal-2019, hu reġa’ mar jilgħab fil-Bundesliga Ġermaniża, din id-darba ma’ Eintracht Frankfurt. Wara żewġ staġuni ma’ dan il-klabb minn Frankfurt, Sow kompla jikber fl-esperjenza kalċistika tiegħu u ta’ 21 sena hu ddebutta mat-tim ta’ Vesko Petkovic, fit-tim nazzjonali tal-kbar. Sal-lum hu lagħab 17-il partita bil-flokk tat-tim nazzjonali Żvizzeru u hu wieħed mis-26 plejers fis-selezzjoni finali ta’ Petkovic għall-Euro 2020.

Djibril Sow

Apparti dawn il-ħames plejers, wieħed ma jistax ma jsemmix żewġ plejers oħra, it-tnejn ta’ nazzjonalitá Olandiża, it-tnejn li huma qed jiċċaħdu milli emozzjonijiet li kapaċi toffri esperjenza meta tilgħab f’edizzjoni tal-Euro u t-tnejn għal raġunijiet differenti minn ta’ xulxin m’humiex fost il-plejers li qed jilgħabu fil-Euro 2020. Dawn huma:

Donny van de Beek | Midfielder ċentrali Olandiż ta’ 24 sena li jilgħab ma’ Manchester United

Donny van de Beek

L-eks plejer ta’ Ajax fl-Olanda, kellu jkun parti mill-iskwadra ta’ Frank De Boer, f’din l-edizzjoni tal-Euro madankollu sforz injury fil-groin, Donny van de Beek kellu jitneħħa mill-iskwadra finali tal-Olanda. Meta sar magħruf li van de Beek ma kienx se jilgħab fil-Euro, il-kowċ nazzjonali ħabbar ukoll li ma kienx se jsejjaħ plejer ieħor minfloku fl-iskwadra.

van de Beek kien parti mill-iskwadra Olandiża li fl-2014, fl-edizzjoni tal-Euro ta’ taħt is-17-il sena li kienet saret f’Malta, kienu waslu sal-finali, iżda tilfuha wara l-għoti tal-penalties kontra l-Ingilterra. Fis-sajf li għadda, van de Beek sar plejer tar-Red Devils, wara li ffirma mal-klabb Ingliż għas-somma ta’ €39 miljun.

Steven Bergwijn | Midfielder offensiv Olandiż ta’ 23 sena li jilgħab ma’ Tottenham Hotspur

Steven Bergwijn

Il-midfielder offensiv li kapaċi jilgħab fi kwalunkwé rwol, kien mistenni li jkun magħżul fl-iskwadra finali tal-Olanda għall-Euro 2020. Madankollu lejn l-aħħar tas-selezzjoni, meta Frank De Boer kien qed iwaqqa’ l-aħħar plejers biex iħabbar skwadra ta’ 26 plejer, kontra dak li kien mistenni Steven Bergwijn, kien wieħed mill-uċuħ magħżula biex jibqgħu barra mill-grupp Olandiż għal din l-edizzjoni tal-Euro.

L-akbar raġuni li waslet għall-esklużżjoni ta’ Bergwijn, kienet in-nuqqas ta’ logħob li l-plejer kien qed ikollu ma’ Tottenham, speċjalment fit-tieni parti tal-istaġun. F’Jannar tal-2020, ftit qabel il-bidu tal-COVID-19, Bergwijn kien issieħeb lill-klabb tal-Premier League Ingliż, Tottenham għas-somma ta’ €32 miljun mingħand PSV. Il-veritá hi li tul dawn l-aħħar sena u nofs mal-Ispurs, Bergwijn għadu qed jitħabat biex isib post regolari fl-iskwadra.

Fl-2014, matul il-Euro ta’ taħt is-17-il sena li kienet saret f’Malta, Bergwijn kien wieħed mill-plejers protagonist tal-Olanda.

Ebda plejer Ingliż li kien parti mis-suċċess tal-2014, mirbuħ f’Malta, m’hu parti mill-iskwadra ta’ Southgate llum

It-tim nazzjonali Ingliż ta’ taħt is-17-il sena, li fl-2014 rebaħ il-Euro li kienet saret f’pajjiżna

Interessanti l-fatt li fl-edizzjoni tal-2014, l-Ingilterra kienet rebħet il-kompetizzjoni f’Malta. Minn dak it-tim, illum m’hemm l-ebda plejer li jinsab parti mill-iskwadra ta’ Gareth Southgate, bil-plejers li jiffurmaw parti minn dak l-age-group u allura setgħu kienu magħżula mill-kowċ John Peacock seba’ snin ilu, u li llum jiffurmaw parti mill-iskwadra Ingliża li qed tilgħab fil-Euro 2020, għal xi raġuni jew oħra ma kienux parti mis-suċċess Ewropew Ingliż tal-2014, f’Malta.

Dean Henderson

L-aktar plejer li kien qrib li jkun parti minn dak it-tim, iżda effettivament ma kienx, hu Dean Henderson, gowlkiper ta’ Manchester United. Henderson kien wieħed mill-gowlkipers ta’ riserva li kellha l-Ingilterra dak iż-żmien f’dik il-kategorija, iżda ma kienx in-numru wieħed bħal ma kien dak in-nhar, Freddie Woodman, illum gowlkiper numru wieħed ta’ Swansea City fil-League Championship.

Għall-Euro 2020,  Henderson kien magħżul minn Southgate bħala t-tielet gowlkiper tal-Ingilterra, iżda eventwalment weġġa’ u postu ttieħed minn Aaron Ramsdale; gowlkiper ta’ 23 sena li ukoll setgħa kien parti mit-tim Ingliż ta’ dak iż-żmien.

Il-plejers l-oħra li huma fl-iskwadra ta’ Southgate, u l-etá tagħhom hi ekwivalenti għall-ġenerazzjoni ta’ plejers li fl-2014 rebħu l-Euro ta’ taħt is-17-il sena f’Malta huma: Ben Chilwell, Ben White, Dominic Calvert-Lewin u Marcus Rashford.

Min kienu l-aqwa 18-il plejer tal-Euro li kienet saret f’Malta? U llum x’sar minnhom?

Interessanti l-fatt li meta tħares lejn l-ismijiet tat-18-il plejer magħżula biex iffurmaw l-iskwadra tat-turnament, għaliex sintendi kienu l-aqwa plejers f’dik l-edizzjoni organiżżata f’Malta, wieħed faċilment jistaqsi x’sar minnhom dawn il-plejers u għalfejn illum m’humiex parti mill-iskwadra ta’ pajjiżhom għall-Euro 2020.

Mit-18-il plejer magħżul, tnejn biss illum qed jilgħabu fil-Euro 2020. Dawn huma Rúben Neves u Renato Sanches tal-Portugall. Mill-bqija, bi ftit riċerka, malajr insiru nafu kif kompliet tiżviluppa l-karriera tal-plejers l-oħra wara li f’Malta kienu ħallew impressjoni tajba fil-Euro ta’ taħt is-17-il sena tal-2014.

Gowlkipers

Yanick van Osch | Wara li qatt ma rrnexxilu jirbaħ postu bejn il-lasti ta’ PSV, l-istaġun li għadda van Osch kien trasferit għal ma’ Fortuna Sittard, fl-għola diviżjoni Olandiża. Qatt ma rrnexxilu jilgħab mat-tim nazzjonali tal-kbar tal-Olanda.

Gregor Kobel

Gregor Kobel | Il-gowlkiper twil Żvizzeru, għadu kemm issieħeb lil Borrusia Dortmund, f’dik li se tkun il-bidu ta’ avventura ġdida għaliħ. Dan l-istaġun kien in-numru wieħed ta’ Stuttgart fil-Kampjonat. Għadu qatt ma lagħab logħba mat-tim nazzjonali tal-kbar tal-Iżvizzera.

Difensuri

Jonjoe Kenny

Jonjoe Kenny | Id-difensur Ingliż, li jilgħab fuq il-linja tal-lemin, preżentament qed jilgħab fl-Iskozja ma’ Celtic. Hu kien propjetá ta’ Everton u fl-istaġun 2019/20, Jonjoe Kenny kien trasferit b’self għal ma’ Schalke 04 fil-Bungesliga Ġermaniża, fejn hemhekk kien qed jilgħab regolari. Wara li lagħab 16-il partita mat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena, mat-tim tal-kbar għadu qatt ma’ lagħab.

Tafari Moore | Id-difensur Ingliż, li kien fuq il-kotba ta’ Arsena, illum jinsab wieqaf mill-logħob u mingħajr klabb. Hu lagħab l-aħħar fl-istaġun li għadda, f’League Two, ma’ Colchester United.

Joe Gomez

Joe Gomez | Meta Joe Gomez kien lagħab f’pajjiżna mal-Ingilterra, fl-2014, hu kien għadu plejer ta’ Charlton Athletic. Fis-sajf tal-2015, id-difensur ċentrali ffirma ma’ Liverpool b’kuntratt ta’ ħames snin. Mingħajr dubju Gomez hu wieħed mill-promessi ‘l kbar tal-futbol Ingliż, u sal-lum diġa’ lagħab 11-il partita mat-tim nazzjonali ta’ pajjiżu.

Madankollu f’Novembru li għadda hu weġġa’ l-irkoppa, u kien wieħed mid-difensuri ta’ Liverpool li tilef parti kbira mill-istaġun, u għada barra sal-lum, tant li ma setgħax ikun mgħajjat mill-kowċ Gareth Southgate għall-Euro 2020. Preżentament, Gomez iġib valur fis-suq ta’ xejn inqas minn €30 miljun. Meta Liverpool akkwistawħ mingħand Charlton, huma kienu ħalsu għaliħ il-prezz ta’ €4.9 mijuni.

Calvin Verdonk | Id-difensur Olandiż, li jilgħab fuq ix-xellug, hu wieħed mill-eżempji ta’ storja ta’ talent għall-futur, li iżda għal xi raġuni jew oħra, meta jiġi biex jagħmel il-qabża fil-livell tal-kbar, ma jkomplix bil-progress li kien ikun għaddej biħ qabel. Verdonk hu prodott ta’ Feyenoord, iżda magħhom ftit ingħata ċans biex jesprimi l-potenzjal tiegħu u kemm il-darba kien misluf lil klabbs oħra fil-pajjiż u barra mill-pajjiż. Hu kellu esperjenza ma’ NEC u Twente u llum hu plejer ta’ Famalicão fil-Liga Portugiża.

Fil-finali tal-Euro 2014 ta’ taħt is-17-il sena li kienu saru f’Malta, Verdonk kien skorja tliet gowls iżda llum, speċjalment meta wieħed jara kif il-karriera tiegħu evolviet f’dawn l-aħħar snin, jidher li se tkun diffiċli ħafna li xi darba jerġa’ jkollu ċ-ċans li jilbes il-flokk tat-tim nazzjonali Olandiż. Fl-istess waqt wieħed ma jridx jinsa li fl-istess rwol tiegħu hemm talenti oħra interessanti u eċitanti, bħal fil-każ ta’ Owen  Wijndal li jilgħab ma’ AZ.

Francisco Reis Ferreira | Magħruf aħjar bħala Ferro. Matul l-istaġun li għadu kemm intemm, id-difensur ċentrali Portugiż lagħab għal nofs staġun fil-Liga Spanjola ma’ Valencia. Ferro hu propjetá ta’ Benfica, u wara li fl-istaġun 2019/20, hu kellu staġun pożittiv fl-għola diviżjoni Portugiża, il-plejer issa qed jittama li fl-istaġun il-ġdid, jerġa’ jkun fil-forma u ‘l bogħod mill-injuries, biex jerġa’ jkollu ċans li jkun imsejjaħ mat-tim nazzjonali Portugiż.

Sal-lum, anke jekk kien mgħajjat mill-kowċ Fernando Santos, għall-waħda mill-partiti fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2020, jibqa’ fatt li sal-lum għadu qatt ma lagħab partita waħda mat-tim nazzjonali tal-kbar tal-Portugal.

Lukas Boeder | Id-difensur ċentrali Ġermaniż, eks plejer ta’ Bayern Leverkusen, hu wieħed mis-sorpriżi ‘l kbar fost il-lista ta’ plejers li lagħbu u spikkaw fl-edizzjoni tal-Euro 2014 li kienet saret f’Malta, u li llum l-karriera tagħhom fil-futbol saret duħħan. Għalkemm prodott ta’ Bayern Leverkusen, Boeder spiċċa biex qatt ma lagħab fil-Bundesliga Ġermaniża u fl-aħħar ħames lagħab fit-tielet diviżjoni Ġermaniża. X’diżappunt! Mur ifhem kif l-iżvilupp ta’ plejer jista’ jinbidel, għat-tajjeb jew bil-kontra, fil-futbol.

Midfielders

Il-kowċ Ingliż, John Peacock ma’ Ryan Ledson

Ryan Ledson | Il-plejer Ingliż ta’ nofs il-grawnd, Ryan Ledson, meta lagħab f’Malta fl-2014, kien plejer ta’ Everton. Kien plejer regolari fl-iskwadra li rebħet l-edizzjoni tal-Euro 2014 ta’ taħt is-17-il sena, iżda sal-lum għadu qatt ma lagħab fil-Premier League Ingliż u f’dawn l-aħħar snin lagħab fil-League Championship ma’ Preston North End.

Interessanti l-fatt li ftit tax-xhur biss wara li l-Ingilterra rebħet il-Kampjonat Ewropew ta’ taħt is-17-il sena, Ledson lagħab 90 minuta sħaħ fil-UEFA Ewropa League ma’ Everton, f’logħba kontra Krasnodar, iżda mill-bqija, ftit li xejn, jew xejn, kellu esperjenzi f’dan il-livell.

Aidan Nesbitt | Il-winger offensiv ta’ fuq ix-xellug, Aidan Nesbitt jista’ jitqis bħala talent ieħor Brittaniku li jekk għadu ma ntilifx, kważi ntilef mat-triq. Nesbitt hu prodott ta’ Celtic, u jekk forsi kien hemm tama kbira fit-talent ta’ dan iż-żagħżugħ, din it-tama ma waslitx biex tagħti prodott ta’ plejer komplut li baqa’ jirrapreżenta lit-tim nazzjonali Skoċċiz fil-livelli kollha.

Il-massimu li Nesbitt irnexxilu jilħaq mat-tim nazzjonali Skoċċiz kien li jilgħab mat-tim ta’ taħt l-20 sena, u llum jilgħab fiċ-Championship Skoċċiz ma’ Greenock Morton.

Jari Schuurman

Jari Schuurman | L-istorja sal-lum, tal-karriera tal-midfielder Olandiż, Jari Schuurman tista’ titqis bħala waħda simili għal dik tal-kompatrijot Calvin Verdonk. Iż-żewġ plejers huma eks Feyenoord u Schuurman llum għandu 24 sena. Fir-rwol ta’ midfielder ċentrali, preżentament Schuurman qed jilgħab fit-tieni diviżjoni Olandiża ma’ Dordrecht.

Schuurman, kapaċi jilgħab ukoll fuq il-lemin, u wara l-esperjenza li kellu f’Malta, fl-2014, sentejn wara, reġa’ lagħab mal-Olanda, fl-iskwadra magħżula għall-fażi finali tal-Euro 2016, din id-darba fil-kategorija ta’ taħt id-19-il sena. Mat-tmiem ta’ dik il-kompetizzjoni, intemmet ukoll l-esperjenza ta’ Schuurman mat-timijiet nazzjonali tal-Olanda, tal-anqas sal-lum.

Dimitri Oberlin

Dimitri Oberlin | Il-midfielder offensiv Żvizzeru, Dimitri Oberlin hu plejer ta’ Bayern Munich, iżda mhux jilgħab mat-tim u matul l-istaġun li għadu kemm intemm, Oberlin lagħab mat-tieni tim ta’ Bayern Munich, fit-tielet diviżjoni tal-Bundesliga.

Fl-aħħar snin, l-Iżvizzeru li għandu ukoll passaport tal-Kamerun, lagħab f’diversi Kampjonati u f’diversi pajjiżi differenti, u fl-ogħla livell. Fl-istaġun 2017/18, hu kien parti mit-tim ta’ Basel li rebaħ il-Kampjonat Żvizzeru u fis-snin ta’ qabel, għalkemm l-ammont ta’ partiti li lagħab kienu ftit, rebaħ żewġ Kampjonati fl-ogħla diviżjoni tal-Awstrija, ma’ Salzburg. Sal-lum hu kellu ukoll esperjenzi fis-Serie A Taljana ma’ Empoli u fl-Ewwel Diviżjoni tal-Belġju ma’ Zulte-Waregem.

Mat-tim nazzjonali Żvizzeru, hu lagħab darba fit-tim tal-kbar. Din kienet partita ta’ ħbiberija għaldaqstant, Oberlin għadu biċ-ċans li jista’ jilgħab għall-Kamerun, jekk dan ikun mgħajjat mill-kowċ nazzjonali ta’ da nil-pajjiż Afrikan.  Fl-edizzjoni tal-Euro 2014 f’Malta, Oberlin kien lagħab tliet partiti mal-Iżvizzera u skorja gowl wieħed.

Attakkanti

Patrick Roberts

Patrick Roberts | L-istorja ta’ dan il-plejer Ingliż hi waħda interessanti u għadha biċ-ċans li tista’ tkun suċċess u fil-futur narawħ jilgħab mat-tim nazzjonali Ingliż. Patrick Roberts hu plejer taċ-champions Ingliżi, Manchester City. Dawn tal-aħħar kienu akkwistaw lil dan l-attakkant, li llum għandu 24 sena, fis-sajf tal-2015 mingħand Fulham. Sena qabel, fl-2014, hu kien wieħed mill-protagonisti fis-suċċess tat-tim nazzjonali Ingliż ta’ taħt is-17-il sena, li kienu rebħu l-Euro 2014 ta’ dik il-kategorija f’Malta.

F’dik l-edizzjoni, Roberts kien lagħab f’ħames partiti u skorja tliet gowls u serva erba’ assists. Fl-2016, Roberts kien misluf lil Celtic fl-Iskozja. Hu lagħab magħhom għal tliet staġuni u rebaħ tliet Premier Leagues Skoċċiżi.

Fis-snin ta’ wara, Roberts, għalkemm baqa’ propjetá ta’ Manchester City, qatt ma lagħab magħhom iżda baqa’ jkun misluf f’kull staġun. Hu kellu esperjenzi f’La Liga, fi Spanja, ma’ Girona, u fl-aħħar sentejn hu lagħab fil-Premier League Ingliż ma’ Norwich City, u fil-League Championship ma’ Middlesbrough u Derby County.

Alexandre Silva | L-attakkant Portugiż hu plejer ta’ West Ham United fl-Ingilterra, iżda sal-lum ftit li xejn rajna lil dan il-winger offensiv li jilgħab fuq il-lemin jilgħab mal-Hammers. Fl-istaġun li għadu kemm intemm, Xande Silva kien misluf lit-tim tas-Super Liga fil-Greċja, Aris Thessaloníki.

Dan il-plejer għandu l-potenzjal li għad jista’ jagħmel il-qabża għal mat-tim nazzjoanli tal-kbar tal-Portugal, iżda jeħtieġ li jilgħab aktar u f’livelli għola milli lagħab sal-lum. F’Malta, fl-edizzjoni tal-Euro tal-2014, hu lagħab f’erba’ partiti, inkluż fis-semi-finali li l-Portugall kienu tilfu kontra l-Ingilterra.

Il-veritá hi li meta tħares lura lejn kif jevolvu l-plejers u dawn it-timijiet nazzjonali rispettivi, tinduna li maż-żmien jintilfu ħafna plejers u huma ftit dawk li jirnexxilhom jagħmluha għal mat-tim nazzjonali tal-kbar. Fl-istess waqt ikun hemm plejers oħra, li llum huma parti mill-għażliet tal-kowċ nazzjonali, iżda meta kienu fil-livell ta’ tim nazzjonali taż-żgħażagħ, ma kienux jimpressjonaw biżżejjed jew kienu ftit dawk li bassru li kienu se jaslu biex itejbu l-livell tagħhom daqstant.