Sport Waterpolo

Neptunes l-ewwel tim fil-finali tal-Enemed Cup

Marsaskala eliminati mill-kompetizzjoni

Rapport: Stewart Said

SLIEMA FRANK SALT………. 10

NEPTUNES……………………. 11

(0-3), (4-2), (4-4), (2-2)

Konfront tipiku bejn żewġ timijiet rivali. Fin-nofs kien hemm post dirett fil-finali ta’ din il-kompetizzjoni. Neptunes irnexxielhom jirbħu l-partita li f’mumenti minnhom żiedet fit-tensjoni minħabba li r-riżultat kien qrib. Fatt importanti li għen lil Neptunes għar-rebħa kien li qatt ma kienu minn taħt fil-partita.

Kompliċi għar-rebħa ta’ Neptunes, kienet il-prestazzjoni tagħhom fl-ewwel sessjoni. It-tim ta’ Jovan Popovic kiseb vantaġġ ta’ tliet gowls permezz ta’ Jeremy Abela, Mark Castillo u man-up veloċi ta’ Jake Muscat. Sliema rkupraw mill-ħasda inizjali u wara li kienu 5-1 minn taħt, skorjaw tliet gowls konsekuttivi permezz ta’ Matthew Mifsud, Mark Meli u Zach Mizzi.

Il-logħba ħadet xejra differenti hekk kif is-Slimiżi bdew jaqsmu l-logħob mal-avversarji mhux biss fil-gowls iżda wkoll fid-dwelli individwali. Wara li għal tliet darbiet konsekuttivi, wieġbu għall-gowls tal-avversarji, Sliema ġabu d-draw bit-tielet gowl fil-logħba ta’ Zach Mizzi. Madankollu Sam Gialanze ħalla lil Neptunes 9-8 fil-vantaġġ b’gowl sabiħ.

L-andament fl-aħħar sessjoni baqa’ l-istess. Neptunes jiftħu vantaġġ doppju darbtejn u Sliema jwieġbu ftit wara. B’hekk il-logħba baqgħet inċerta sal-aħħar iżda t-tentattivi Slimiżi biex jevitaw it-telfa kienu għalxejn, b’Neptunes jamministraw l-aħħar sekondi.

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta (1), M. Demarco, R. Greco, M. Meli (1), B. Cachia (1), N. Schiavone (2), M. Mifsud (1), J. Brownrigg, D. Rizzo (1), Z. Mizzi (3), S. Azzopardi, Z. Sciberras, J. Saliba

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (2), L. Calleja, G. Pace (1), S. Busuttil, J. Spiteri Staines (1), M. Farrugia, M. Castillo (1), J. Abela (2), M. Spiteri Staines (1), R. Galea (1), S. Gialanze (2), A. Bugeja

Referees: Peter Balzan, Massimo Angileri

VALLETTA IZIBET…………………. 8

M’SKALA FISH AND FISH…… 6

(2-2), (1-2), (2-1), (3-1)

Valletta Izibet irkupraw mit-telfa kontra Neptunes u għelbu lil Marsaskala biex jistennew ir-rebbieħ bejn Exiles u San Ġiljan. Ir-rebħa għall-Beltin waslet b’diffikultà hekk kif għal ħafna ħin, Marsaskala kienu tajbin daqshom u għal ftit ħin anki aħjar. Forsi n-nuqqas ta’ attenzjoni fl-aħħar sessjoni, kienu determinanti għat-tim ta’ Arpad Babay biex b’hekk ġew eliminati mill-kompetizzjoni.

Wara li Michele Stellini fetaħ l-iskor għal Valletta fl-ewwel azzjoni, Marsaskala wieġbu mill-ewwel u saħansitra marru 2-1 minn fuq. Niki Lanzon ġab id-draw għal 2-2. Lanzon poġġa lil Valletta minn fuq bi ġmiel ta’ gowl mid-distanza iżda l-Beltin naqsu li jibnu fuq il-vantaġġ li kellhom, b’konsegwenza li Marsaskala tejbu l-logħob tagħhom u ma kinitx sorpriża li reġgħu dawru r-riżultat, b’gowls tal-veteran Paul Privitera u Mark Carani.

It-tim ta’ Zoran Maslovar ġab id-draw fit-tielet sessjoni permezz ta’ Nikolai Zammit, Carani ħalla lil Marsaskala minn fuq b’gowl b’saħħtu, b’Miguel Zammit iġib id-draw għal 5-5. Valletta fetħu vantaġġ doppju b’gowls ta’ Nikolai Zammit u Andrea Agius. Ir-raba’ gowl ta’ Mark Carani żamm lil Marsaskala jittamaw għall-aħħar żewġ minuti iżda kien Miguel Zammit li għalaq il-logħba bit-tmien gowl Belti.

Valletta: T. Micallef, P. Borg, E. Aquilina, M. Stellini (1), A. Agius (1), R. Mock, D. Paolella, M. Mifsud, N. Farrugia, M. Zammit (2), N. Zammit (2), N. Lanzon (2), R. Sciortino, K. Tanti, M. Mannino

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar, A. Camenzuli, P. Privitera (1), G. Sammut (1), L. Grixti, K. Navarro, M. Manara, S. Micallef, L. Felice, J. Ciantar, M. Carani (4), A. Muscat, G. Galea, N. Gatt

Referees: Ronnie Spiteri, Alex de Raffaele

Logħob li jmiss

Għada

Exiles v San Ġiljan 9.30am