Coronavirus Internazzjonali

Nisa tqal vittmi tal-Covid fil-Brażil waqt li Moska tindaga dwar il-varjant ġdid Russu

Min tlaqqam bl-Astrazeneca ma jitħalliex jidħol għall-kunċert ta' Bruce Springsteen

Tibqa’ tippreċipita s-sitwazzjoni tal-pandemija fil-Brażil hekk kif il-mejta kawża tal-virus mistennija jaqbżu n-nofs miljun fis-sigħat li ġejjin.

Preokkupanti s-sitwazzjoni fl-isptarijiet li qed jaraw influss qawwi ta’persuni infettati, u traġiku l-fatt li fost il-vittmi qed ikun hemm ħafna nisa tqal, u ulied mhux imwielda.

Il-kawża tal-imwiet ta’ tant ommijiiet tqal, skont riċerkaturi f’Sao Paolo, huwa l-varjant tal-Brażil li qed ikun deskritt bħala wieħed aggressiv.

Intant tħassib ukoll fir-Russja, fejn feġġ varjant ieħor.  Xjenzati fil-pajjiż qed jinvestigaw dan il-varjant kif ukoll l-effettività tal-vaċċin Sputnik V kontra d-diversi varjanti, inkluż dan li tfaċċa f’Moska. Riċerkaturi qed isostnu li dan il-varjant x’aktarx oriġina minn x’imkien ieħor qabel ma wasal f’Moska.

U fi New York persuni li tlaqqmu bil-vaċċin tal-Astrazeneca mhux se jitħallew jattendu għal kunċert ta’ Bruce Springsteen.

The Boss li se jkun qed jaġħmel ir-ritorn tiegħu fuq il-palk mis-26 ta’ Ġunju għamilha ċara li l-fans tiegħu jistgħu jidħlu biss fit-teatru jekk ikunu mlaqqma b’vaċċin li huwa approvat mill-awtoritajiet Amerikani. Dan jeskludi persuni li ħadu t-tilqima tal-Astrazeneca.