Lokali

Raġel arrestat b’rabta ma’ serq minn vetturi

Ħidma konġunta bejn il-Pulizija tad-Distretti ta’ Ħal Qormi u ta’ Raħal Ġdid, wasslet għall-arrest ta’ raġel ta’ 33 sena li jgħix Ħal Għargħur, wara li allegatament wettaq numru ta’ serqiet minn vetturi f’Ħal Qormi, f’Ħal Luqa u Raħal Ġdid.

Il-każijiet seħħew bejn is-6 u s-17 ta’ Ġunju, 2021, fejn mill-vetturi nsterqu għodda, dokumenti u flus, kif ukoll saret ħsara fuq l-istess vetturi.

Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta wkoll li l-persuna arrestata allegatament wettqet ukoll
serqa minn uffiċċju f’Ħal Luqa.

Ir-raġel ġie arrestat waqt li l-Pulizija tad-Distrett ta’ Ħal Qormi kienu qegħdin jissorveljaw persuna suspettuża fil-viċinanzi ta’ Triq l-Iljun, Ħal Qormi, hekk kif allegatament kien se jipprova jisraq minn xi vetturi.

Illum, għall-ħabta tal-ħdax tal-11am ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Claire Stafrace Zammit. Il-prosekuzzjoni se tkun qed titmexxa mill-Ispetturi Roderick Agius u Sarah Kathleen Zerafa.