Internazzjonali

COVID-19: L-imwiet mill-pandemija qabżu l-500,000 fil-Brażil, bis-sitwazzjoni tinsab kritika

L-ammont tal-imwiet relatati mal-Covid-19 qabżu n-nofs miljun (500,000) fil-Brażil u li hu t-tieni l-ogħla numru ta’ fatalitajiet għal pajjiż wieħed fid-dinja.

Sadanittant, l-esperti qed jgħidu li l-pandemija kapaċi tirranka b’konsegwenzi jerġa’ aktar diżastrużi għal pajjiżi bħall-Brażil fejn il-programmi tat-tilqim jinsabu għaddejjin b’mod kajman.

Hu minnu li l-virus qed ikompli jinfirex b’rata allarmanti fil-Brażil meta l-President Brażiljan, Jair Bolsonaro,  qed jirrifjuta li jappoġġja miżuri bħall-ħarsien tad-distanzi soċjali.

Kelliema għall-istitut tas-saħħa Fiocruz qalu li s-sitwazzjoni fil-Brażil hi waħda kritika meta, għalissa, 15 fil-mija biss tal-adulti Brażiljani ngħataw it-tilqima kontra l-Covid. Dan ukoll meta l-Kungress tal-Brażil qed jinvestiga l-mod kif il-Gvern Brażiljan ħa ħsieb iċ-ċirkultazzjoni tal-virus fil-pajjiż sallum.

Il-President Bolsonaro, fost oħrajn, qed ikun ikkritikat bil-kbir talli ma implimentax sistema ta’ reazzjoni koordinata fuq bażi nazzjonali. Fl-istess ħin, Bolsonaro qed ikun ikkundannat għall-atteġġjament xettiku tiegħu rigward il-vaċċini kontra l-coronavirus u (anki) dwar in-nuqqas tal-lockdowns fil-Brażil. Bolsonaro anki qed jaqla’ kritika talli oppona dejjem għad-direttivi lin-nies biex jilbsu l-maskli tal-wiċċ.

Il-President tal-Brażil tenna li l-impatt tal-lockdowns għall-ekonomija tal-Brażil ‘għandu jkun agħar mil-impatt tal-virus’ u, fl-istess ħin, insista li hu għamel kulma seta’ biex jixtri l-vaċċini mingħand pajjiżi oħrajn.

Madankollu l-Oppożizzjoni fil-Brażil akkużat lill-President b’li żamm lura l-ordnijiet tal-vaċċini għal raġunijiet personali, waqt li hu, kemm-il darba pprova jimminimizza s-severità tal-pandemija.

Intant, il-pandemija fil-Brażil qed tkun xprunata mill-varjanti aktar trasmissibbli tal-virus – fosthom il-varjant li kien identifikat għall-ewwel darba fir-reġjun tal-Amazon u li llum hu mlaqqam bħala ‘Gamma’. Fil-fatt, fl-aħħar ġimgħa kienu identifikati medja ta’ 70,000 każi ġodda tal-varjant kuljum fil-Brażil.

Għaldaqstant, il-kelliema għal Fiocruz qalu li l-Brażil qed jiffaċċja xenarju kritiku ta’ trasmissjoni tal-varjanti qalb il-komunitjiet, fost il-possibbiltà li s-sitwazzjoni taqleb għall-agħar fil-ġimgħat li ġejjin u meta l-pajjiż qed iħejji għax-xitwa.

Il-pazjenti morda bil-Covid qed jokkupaw ‘il fuq minn 80 fil-mija tas-sodod fit-taqsimiet għall-kura intensiva tal-isptarijiet fil-parti kbira tal-Istati Brażiljani. L-esperti, fl-istess ħin, qed iwissu dwar spinta ġdida ta’ infezzjonijiet bil-Covid ‘aktar ma tidħol ix-xitwa’.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru tas-Saħħa Brażiljan, Marcelo Queiroga, esprima solidarjetà ‘mal-missirijiet, l-ommijiet, il-ħbieb u l-qraba’ ta’ dawk kollha li mietu b’riżultat tal-Covid.’ Hu, intant, sellem lill-memorja ‘tal-500,000 li tilfu ħajjithom b’kaġun tal-pandemija li qed taffettwa lill-Brażil u lid-dinja’.

Dan meta l-Istati Uniti biss irrappurtat aktar imwiet relatati għall-Covid mill-Brażil u meta sallum għadha l-aktar pajjiż li ġarrab vittmi mill-pandemija minn fost il-pajjiżi kollha tad-dinja.