Għawdex Lokali Saħħa

Falliment totali għal tliet Ministri Laburisti f’Għawdex

Il-Gvern bħal donnnu abbanduna l-proġett ta' żvilupp ta' dik li kellha tkun l-ewwel dar kbira għall-anzjani f'Għawdex

Sorsi infurmati fis-settur tal-kura tal-anzjani matul dawn il-jiem tkellmu ma’ netnews u staqsew x’inhi r-raġuni li l-Gvern bħal donnu li abbanduna għal kollox ix-xogħlijiet fuq il-proġett ta’ bini ta’ dar għall-anzjani f’Għajnsielem, Għawdex.

Sa issa l-Gvern nefaq eluf kbar ta’ flus fuq sit bil-wiegħda li jiżviluppa dar għall-anzjani f’Għajnsielem u sa kien ukoll taha isem… ‘Dar San Ġużepp’. Iżda sal-lum u minkejja l-ħafna wegħdiet u kliem fieragħ tal-Gvern, din id-dar għadha fi stat ta’ ġebel u saqaf u ma laqgħet fiha lill-ebda anzjan Għawdxi.

Is-sorsi li tkellmu ma’ netnews qalulna li kien ftit wara r-rebħa elettorali tal-2013 li l-Gvern kien kera mill-privat art f’zona prominenti f’Għajnsielem bil-wiegħda li jiżviluppa dar kbira għall-anzjani. Dakinhar il-Gvern Laburista kien qal li din kellha tkun l-ewwel dar kbira għall-anzjani f’Għawdex.

Minkejja kollox u minkejja l-ħafna entużjażmu tal-bidu, dak il-proġett waqaf ħesrem u issa ilu qatigħ minn meta sar l-aħħar xogħlijiet fuqu bl-anzjani Għawdxin jibqgħu jittewbu għal dik li kellha tkun l-ewwel dar kbira tal-anzjani immirata għalihom.

Dawk kollha li jżuru Għawdex jistgħu jaraw f’liema stat jinsab dan il-proġett hekk kif wieħed jgħaddi minn biswitu fit-triq prinċiapli li minn Għajnsielem tagħti għar-Rabat. Ix-xogħlijiet issa ilhom sew li twaqqfu ħesrem u kollox jindika li l-Gvern ma għandu l-ebda pjani meta dawn ix-xogħlijiet se jitkomplew u wisq inqas meta dawn ix-xogħlijiet se jkunu finalizzati biex dik li tkellha tkun Dar San Ġużepp f’Għajnsielem tilqa’ fiha l-ewwel anzjani Għawdxin.

Is-sorsi infurmati li tkellmu ma’ il-mument qalulna li l-ftehim oriġinali bejn il-Gvern u l-privat u li allura kien inizjalat fl-2013, kien jaħseb biex tkun żviluppata din il-faċilità bis-servizzi fiha għall-anzjani Għawdxin iżda l-kirja ddum fis-seħħ għal ħmistax-il sena biex imbagħad kollox jgħaddi f’idejn il-proprjetarji oriġinali.

Dawk li tkellmu ma’ netnews fissrulna li jekk dan il-ftehim kien għal ħmistax-il sena u kien jinkludi wkoll il-perjodu tal-iżvilupp u x-xogħlijiet infrastrutturali, mela sa issa diġà għaddew seba’ snin minn meta daħlet fis-seħħ il-kirja… u l-privat fadallu ftit tas-snin oħra biss biex jakkwista lura s-sit! U minn dan kollu l-anzjani Għawdxin ma bbenefikaw assolutament xejn u hu biss il-privat li se jkun akkwista dħul mill-kirja u, sussegwentement, l-iżvilupp li jkun laħaq sar!

Tajjeb li jingħad li oriġinarjament dan kien proġett li kellu jilqa’ fih xejn inqas minn 140 sodda għall-anzjani Għawdxin.

Dan kien proġett li dwaru l-Gvern Laburista kien daqq ħafna trombi, iżda llum jidher li l-Ministru Anton Refalo falla bl-ikrah dwaru. Kulħadd jiftakar il-kliem fil-vojt tiegħu meta f’Diċembru tal-2013 kien ftaħar bil-proġett u kien qal li l-Gvern kien kiseb mill-privat is-sit fejn kellha tkun żviluppata Dar San Ġużepp f’Għajnsielem b’kirja ta’ €60,000 fis-sena għal 30 sena.

Kien ħabbar ukoll li l-Gvern diġà kien applika għall-permessi biex isir xogħol strutturali ħalli l-binja tibda tintuża fl-iqsar żmien possibbli bħala residenza għall-anzjani! U sal-lum għaddew seba’ snin u l-binja vojta kienet… u vojta għadha!

Anki l-Ministru Justyne Caruana falliet bl-ikrah dwaru minkejja li f’Marzu tal-2018 kienet żaret il-binja għal skop ta’ pubbliċità personali għaliha u ħabbret li “l-proġett tad-dar għall-anzjani ta’ San Ġużepp kien ġie aġġorant biex jiżdiedu s-servizzi lil firxa iktar wiesgħa ta’ bżonnijiet.”

Dakinhar kienet qalet li l-Ministeru għal Għawdex kif immexxi minnha kien aġġorna l-pjanti u kiseb il-permessi meħtieġa biex isiru tibdiliet fil-proġett oriġinali biex issa ġiet ukoll inkluża blokka addizjonali ddedikata għall-każijiet ta’ dimensja.”

Biex tassew tkompli titfa’ aktar melħ fuq il-ferità, dakinhar Justyne Caruana kienet qalet ukoll li: “il-proġett tad-dar tal-anzjani kien proġett li kien beda fil-leġiżlatura li għaddiet u issa, wara li ġew aġġornati l-pjanti, il-bini mistenni jkun lest fi żmien tliet xhur oħra. Bħalissa qed jiġi finalizzat is-sejħa għall-offerti għat-tkomplija u tmexxija tad-dar!!” Iżda sal-lum komplew igerrbu aktar snin u l-binja vojta kienet… u vojta għadha!

Imbagħad Justyne Caruana ttajret minn Ministru għal Għawdex u postha ħadu Clint Camilleri li wkoll falla bl-agħar mod possibbli dwar dan il-proġett għaliex la ma kienx hu li varah, allura qatt m’għamlu tiegħu u tah litteralment il-ġenb biex hekk il-Gvern se jkun nefaq eluf kbar ta’ ewro  fix-xejn… possibbilment il-miljuni… li minnhom se jgawdi biss il-privat meta s-sit jintradd lura għandu fl-2028.

Ta’ kundanna akbar għall-kredibbiltà tal-istess Ministru Clint Camilleri hi d-dikjarazzjoni li għamel fi Frar li għadda meta fil-Parlament għal Mistoqsija Parlamentari li saritlu mid-Deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar, qal li din id-dar għall-anzjani kellha tirċievi l-ewwel residenti tagħha sa tmiem din is-sena!

Kien żied jgħid fil-Parlament li din id-dar għall-anzjani fil-fatt kellha l-kapaċità li tilqa’ fiha 119-il persuna li jidħlu f’din id-dar tal-anzjani bl-iskop li jirċievu servizzi fit-tul. Minn dakinhar ta’ dan id-diskors sal-ġurnata tal-lum fil-binja li kellha tkun żviluppata f’Dar San Ġużepp f’Għajnsielem ma sar assolutament xejn u jew  il-Ministru Clint Camilleri ried jgħaddi ż-żmien bil-Kamra, jew ma kienx infurmat tajjeb dwar dak li qed jiġri… jew qed jgħix f’realtà oħra bl-għan li jipprova jidħak bl-anzjani Għawdxin.

Is-sorsi li tkellmu ma’ netnews żiedu li hi tassew ħasra li dan il-proġett, mifrux fuq tliet sulari u b’veduti mill-aqwa ta’ Forti Chambray u tax-Xatt l-Aħmar f’Għawdex ġie litteralment abbandunat mill-Gvern u l-anzjani Għawdxin ma bbenefikaw xejn minnu.

Kollox jindika li l-aħħar żviluppi fil-konfront tal-bini ta’ dan il-proġett seħħew madwar sena ilu meta l-Gvern kien ħareġ sejħa għall-offerti biex isiru xogħlijiet ta’ rfinitura tal-proġett mibni, l-istallazzjoni tal-għamara u l-apparat kollu li hu meħtieġ għal dar tal-anzjani u għat-tmexxija ta’ kuljum tal-istess dar tal-anzjani. Iżda anki hawnhekk kollox jindika li ma sar xejn konkret biex dik is-sejħa għall-offerti tiddaħħal fis-seħħ u dan il-proġett abbandunat jitkompla, ikun finalizzat u jingħata l-ħajja. Dwar dik is-sejħa għall-offerti il-mument hi infurmata li kienu ġew sottomessi erba’ offerti bl-offerti jvarjaw bejn it-€28 miljun u t-€38 miljun. Dan kollu biex ikopri biss il-perjodu ta’ seba’ snin li fadallu fis-seħħ dan il-kuntratt qabel mas-sit jintradd mill-ġdid għand is-sidien privati tiegħu.