Sport Sport Ieħor

Ġimgħa deċiżiva għall-Futsal Lokali

Se tkun ġimgħa deċiżiva għall-futsal lokali hekk kif nhar il-Ġimgħa li ġej jiġi dikjarat ir-rebbieħ tal-kampjonat 2020/2021. Wara r-riżultati ta’ din il-ġimgħa, tliet timijiet temmew l-ewwel rawnd bl-istess numru ta’ punti hekk kif Luxol, Swieqi u Valletta għandhom 29 punt.  Dawn it-tliet timijiet tista’ tgħid li kienu protagonisti ewlenin fil-wirjiet tagħhom tant li anke l-konfronti diretti bejniethom spiċċaw fi dro.  

B’hekk id-dilettanti tal-futsal lokali qed jistennew konfronti ferm importanti l-ġimgħa d-dieħla hekk kif Luxol jilagħbu decider kontra Valletta għada filgħaxija fi 8.45pm fil-Padiljun tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport.  Fl-istess waqt min jitlef din id-decider, jilgħab semifinali kontra Swieqi biex eventwalment jiġi determinat it-tieni finalist.  B’hekk nhar il-Ġimgħa jkun determinat iċ-champion lokali tal-futsal li eventwalment jipparteċipa fil-UEFA Futsal Champions League. Sadanittant fil-logħba prinċipali,  Luxol u Swieqi United temmew il-konfront ta’ bejniethom fi dro eċitanti ta’ 4-4. Kienet logħba ta’ botta u risposta bi Swieqi jmorru fil-vantaġġ, iżda bit-tim minn St Andrews li dejjem irnexxielhom iġibu l-iskor indaqs.  Swieqi skorjaw il-gowls tagħhom permezz ta’ Aaron Montebello, Eduardo Riano, Steven Camilleri u b’awto-gowl.  Luxol irrispondew b’gowls ta’ Marwan Telisi, Mark Zammit, Gia Nikhashvili u Dylan Musu.  

Anke Valletta Futsal żammew il-pass mar-rivali diretti tagħhom b’rebħa konvinċenti ta’ 9-1 kontra Naxxar Lions. Camilo kien il-protagonist għat-tim tiegħu meta skorja hat-trick filwaqt li Otero u George Frendo wettqu doppjetta personali.  Zvezdan Vukovic u Ryan Gatt għaqqdu l-iskor għall-Beltin.  Sadanittant Luxol reġgħu kienu fl-azzjoni fl-aħħar logħba tagħhom tas-Sibt u kif mistenni għelbu lil Ta’ Xbiex bl-iskor ta’ 7-0. Giancarlo Sammut skorja doppjetta filwaqt li Leanderson, Celino Alves, Everton Veve, Matthew Attard u Mark Zammit niżlu isimhom fil-lista tal-iskorers.  F’logħbiet oħra li ntlagħbu, Mellieħa Futsal komplew bl-istaġun pożittiv tagħhom b’rebħa tajba fuq Qormi Futsal bl-iskor ta’ 6-3. Armando Gjepali u Joshua Tonna skorjaw doppjetta filwaqt li Gregory Busuttil u Ervin Rigo sabu wkoll ix-xibka.   Qormi naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ Vuk Rankovic, Dale Valletta u Ayrton Duncan. 

L-Universita’ ta’ Malta għelbu lil Ta’ Xbiex bl-iskor ta’ 5-2. Din kienet logħba bejn żewġ timijiet li kienu jinsabu bl-istess numru ta’ punti fil-klassifika.  Cleaven Portelli wera li hu skorer prolifiku hekk kif skorja doppjetta filwaqt li Alexander Ellul, Luke Stivala u Dylan Mintoff żiedu l-iskor għall-Universitarji. Ta’ Xbiex għamlu l-iskor aktar rispettabbli grazzi għall-gowls ta’ Stefi Cale u Glenn Bonello.   F’logħba oħra, St George’s Futsal għelbu lil Marsaskala bl-iskor ta’ 7-6.