Għawdex Lokali

Il-Gvern jagħti €40 miljun kull sena lis-SOCAR iżda jagħti bis-sieq lil mijiet ta’ familji tal-Home Ownership Scheme

Mijiet ta' Maltin, fil-bidu tas-Snin Tmenin, spiċċaw bi propjetajiet tagħhom rekwiżizzjonati u għadhom sal-lum ma tħallsu xejn

Il-Gvern Laburista ma għamel xejn tul it-tmien snin li ilu fil-poter biex jindirizza l-problema ta’ mijiet ta’ Maltin li fil-bidu tas-Snin Tmenin spiċċaw bil-propjetà tagħhom rekwiżizzjonata. Mhux biss, iżda l-istess Gvern Laburista ma għamel xejn biex dawk li daħlu fil-Home Ownership Scheme jkollhom il-propjetà fejn qed joqogħdu mdawra fuq isimhom permezz ta’ kuntratt.

Fi ftit kliem il-Gvern Laburista, l-ewwel ta’ Joseph Muscat u mbagħad ta’ Robert Abela, taw bis-sieq lil dawk kollha involuti f’din is-saga… imbasta ta’ kull sena jonfoq u jagħti mal-€40 f’korruzzjoni lis-SOCAR. Bla dubju ta’ xejn flus li jistgħu jintużaw b’ħafna aktar għaqal bħal li tkun solvuta darba għal dejjem din il-kwistjoni delikata maħluqa minn Gvern Laburista stess lura fis-Snin Tmenin iżda li għadha tħalli f’inċertezza lil mijiet ta’ familji.

Kien fis-snin ta’ bejn l-1981-83 meta l-Gvern Laburista ta’ dak iż-żmien u allura l-Ministru ta’ dak iż-żmien kien Lorry Sant, li beda jaħtaf u jirrekwiżizzjona artijiet u propjetajiet madwar Malta u anki f’Għawdex biex jagħtihom lil terzi persuni ħalli jibnu fihom u minn dawn il-plots jagħmlu r-residenza tagħhom.

Jirriżulta li dawk is-sidien oriġinali ta’ artijiet il-Gvern Laburista qatt ma tahom il-kumpens li jixirqilhom u mijiet minnhom għadhom sa llum b’xejn. Barra minn hekk mijiet minn dawk li bnew ir-residenza tagħhom permezz tal-Home Ownership Scheme għadhom huma wkoll bla titlu fuq ir-residenza tagħhom għas-sempliċi raġuni li l-Gvern Laburista tul dawn it-tmien snin abbandunahom u ma fittix li jiffinalizza kuntratti magħhom biex hekk ir-residenza fejn qed joqogħdu ssir tassew tgħajjat lilhom.

Sorsi li matul din il-ġimgħa tkellmu ma’ netnews qalulna li din hi problema serja ħafna fil-pajjiż li tolqot lil eluf ta’ nies bejn persuni li tteħditilhom l-art jew il-werrieta tagħhom u dawk li daħlu f’residenza li għadha fuq konvenju li jiġġedded minn sena għall-oħra mill-Awtorità tad-Djar.

Lura għall-bidu tas-Snin Tmenin il-Gvern Laburista ta’ dak iż-żmien kien għadda minn trawma kbira lil għadd ta’ Maltin u Għawdxin hekk kif bħal mil-lejl għan-nhar qabad u rrekwiżizzjonalhom artijiet li kellhom.

Din il-problema serja kienet bdiet tkun indirizzata bejn l-2008 u Jannar tal-2013 meta Jason Azzopardi kien inħatar Segretarju Parlamentari responsabbli mill-artijiet. F’dak il-perjodu l-Gvern Nazzjonalista kien fassal skema biex lokalità, lokalità, jitħallsu s-sidien oriġinali, isir il-kuntratt u hekk is-sidien ikollhom it-titlu tal-proprjetà f’idhom.

Ġara li f’dak il-perjodu l-Gvern Nazzjonalista kien solva l-problema ta’ Għar Barka fir-Rabat meta kien iffinalizza l-kwistjoni fir-rigward ta’ 148 plot; il-problema f’Ta’ Xlejli fil-Gudja fejn kien iffinalizza l-problema  ta’ 43 plot; il-problema ta’ Għajn Dwieli f’Raħal Ġdid meta kien iffinalizza l-kwistjoni ta’ 91 plot; Bubaqra fiż-Żurrieq fejn kien iffinalizza l-kwistjoni ta’ 66 plot; il-problema f’Santa Luċija fejn kien iffinalizza l-kwistjoni ta’ 65 plot; u l-problema f’Burmurrad fejn kienet iffinalizza l-problema ta’ ħames plots. Dan kollu b’nefqa ta’ €5 miljun fi ħlasijiet għal aktar minn 700 plot.

F’Jannar tal-2013 il-Gvern Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien kien awtorizza li jkunu solvuti l-problemi f’Kirċeppu fis-Siġġiewi; fis-Swatar fl-Imsida; f’Tad-Dip fil-Mosta; fl-area Tal-Bebbux fiż-Żurrieq; fl-area tal-Blue Grotto fiż-Żurrieq; f’Tal-Fuklar f’Ħattard; f’Ħad-Dingli; fl-Imqabba; f’Wied il-Għajn; u fin-Nadur, Għawdex.

Dwar dan kollu diġà kien hemm l-istimi kollha tal-flus meħtieġa iżda meta l-Partit Laburista kien tela’ fil-gvern, għal xi raġuni, kien waqqaf ħesrem dan il-proċess u ħalla mijiet ta’ nies imdendla sal-lum.

Sadattant interessanti l-fatt kif fil-jiem li għaddew mill-Parlament, il-Ministru Silvio Schembri qal li f’dan il-perjodu tal-aħħar tmien snin, il-Gvern Laburista kkonkluda l-ftehim dwar tmien plots biss bi spiża ta’ €500,000. U dawn huma plots imxerrda ma’ diversi lokalitajiet.

Is-sorsi infurmati li tkellmu ma’ il-mument staqsew ta’ min kienu dawn it-tmien plots u għaliex il-Gvern ma kkonkludiex il-kwistjoni ma’ aktar sidien? X’ironija… ftehim dwar tmien plots biss f’perjodu ta’ tmien snin meta skont il-programm imfassal mill-Partit Nazzjonalista sal-2020 din il-kwistjoni serja maħluqa mill-Gvern Laburista tas-Snin Tmenin, kellha tkun solvuta minn kollox.

Ta’ min jgħid li tul is-snin li għaddew bosta kienu dawk is-sidien ta’ plots li fetħu kawżi fil-konfront tal-Gvern u rebħu dawn il-kawżi bil-Gvern spiċċa kellu jħallas il-kumpens skont il-valur attwali tal-art u bl-interessi sa mill-1981.