Lokali

Imfakkar ‘Jum il-Missier’

Illum 'Jum il-Missier'

Illum, ‘Jum il-Missier’ Ġurnata li fiha l-ulied jiftakru fil-missirijiet tagħhom u l-irwol specjali li dan għandu jew kellu f’ħajjithom.

Jum il-Missier hu jum ta’ ċelebrazzjoni li jmur lura għas-sena 1508 – tradizzjoni li tikkumplimenta Jum l-Omm li kien ċelebrat ftit tal-ġimgħat ilu. Jum li pero, ma jiġix ċelebrat fl-istess ġurnata madwar id-dinja kollha għaliex huma ħafna l-pajjiżi, fosthom l-Italja, li jiċċelebraw Jum il-Missier fid-19 ta’ Marzu. Dan filwaqt li l-maġġoranza assoluta tad-Dinja tiċċelebra dan il-jum li jonora lill-missirijiet u jfakkar l-importanza tal-missirijiet fis-soċjeta’, fit-tielet Ħadd ta’ Ġunju. Interessanti l-fatt li dawn iċ-ċelebrazzjonijiet f’Malta ġew introdotti minn Frans Said li kien jipreżenta programmi tat-tfal fuq ir-radju, bl-ewwel darba li dan il-jum kien imsemmi f’pajjiżna jkun f’Ġunju tal-1977.

Hafna kienu dawk li għażlu li jqattgħu iktar ħin mal-missirijiet tagħhom b’uħud jiċċelebraw dan il-jum b’ikla speċjali flimkien ma’ dawk l-iktar għeziez  għalihom. Oħrajn, żaru lill-missirijiet tagħhom f’xi dar tal-anzjani. L-istess għamlu dawk li missirijiethom bħalissa jinsabu rikoverati l-isptar. Dan filwaqt li kienu bosta dawk li ftakru fil-missirijiet li sfortunatament m’għadhomx magħna.

Dan il-jum inissel ferħ speċjali fil-missirijiet li qed jiċċelebraw Jum il-Missier għall-ewwel darba jew dawk li saħansitra kellhom l-ewwel wildt tagħhom propju f’dan il-jum. Jum specjali wkoll ghal dawk il-missirijiet li ffosterjaw jew addottaw lit-tfal taghhom. Tajjeb ukoll li niftakru fil-missirijiet li sfortunatament tilfu lil uliedhom u li ghaldaqstant dan il-jum ma jnissilx memorji sbieh ghalihom. Bhal ma niftakru wkoll f’dawk l-irgiel li jixtiequ jsiru genituri u li għal xi raġuni din il-ħolma ma saritx realtà.

Intant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech awgura lil missieru permezz ta’ poeżija fuq Facebook.