Internazzjonali

Iżrael: Twissija biex id-dinja tkun attenta għall-President ġdid tal-Iran

TABRIZ, IRAN - JUNE 16: Iran presidential candidate Ebrahim Raeesi takes part in a campaign meeting with Residents of Tabriz on June 16, 2021 in Tabriz, Iran. The country's incumbent president, Hassan Rouhani, is ineligible to run again after serving two terms in office. (Photo by Meghdad Madadi ATPImages/Getty Images)

Il-Prim Ministru ġdid ta’ Iżrael, Naftali Bennett, qal li l-komunità internazzjonali għandha ‘tiftaħ għajnejha’ għat-theddida akbar mill-Iran wara li l-pajjiż eleġġa lil Ebrahim Raisi, konservattiv u ‘Iżlamiku fanatiku’, bħala President ġdid minflok il-moderat Hassan Rouhani.

Bennett sostna li ‘ir-reġim brutali f’Tehran’ qed jaħseb dejjem fil-produzzjoni tal-armamenti nukleari u li d-dinja għandha tkun dejjem konxja minn dan il-periklu, minkejja li l-Iran ilu jiċħad li għandu l-ambizzjonijiet aggressivi.

Ebrahim Raisi, fi tmiem il-ġimgħa, kien iddikjarat rebbieħ tal-elezzjoni Presidenzjali tal-Iran u ‘il quddiem mistenni jintroduċi stil ta’ amministrazzjoni aktar riġida u inflessibbli li ma tippermettix għal riforma. Raisi, sa ftit ilu, kien l-Imħallef ewlieni tal-Iran u ilu magħruf għall-fehmiet u opinjonijiet ultra-konservattivi tiegħu….Opinjonijiet li jirriflettu l-ħsieb politiku tal-Ayatollah Ali Khamenei, li hu l-Mexxej Suprem tal-pajjiż fundamentalista.

Intant, Raisi qed iwiegħed biex ‘isaħħaħ il-fiduċja pubblika fil-Gvern’ u li jkun ‘Mexxej denju għall-pajjiż kollu’. Fl-ewwel stqarrija tiegħu wara r-rebħa, il-President Iranjan ġdid tenna li se jinsisti għal ‘Gvern rivoluzzjonarju li jaħdem dejjem fl-interessi tal-poplu u li ma jippermetti l-ebda forma ta’ korruzzjoni’.

Madankollu l-indikazzjonijiet huma li l-establishment Iżlamiku f’Tehran għamel minn kollox biex l-elezzjoni tkun ‘imxaqilba’ favur Raisi, li se jkun inawgurat uffiċjalment bħala l-President Iranjan f’Awwissu. Ebrahim Raisi, intant, jinsab fil-mira tas-sanzjonijiet imposti mill-Istati Uniti u għandu wkoll konnessjoni mal-esekuzzjonijiet ta’ priġunieri politiċi li saru fil-passat, fl-Iran.

Min-naħa tiegħu, Naftali Bennett, waqt laqgħa tal-Kabinett Iżraeljan, qal li ‘id-dinja qatt ma għandha tippermetti li reġim perikoluż bħal tal-Iran jikseb l-armamenti għall-qerda tal-massa.’ Dan meta fl-aħħar ġimgħat reġgħu rrankaw l-ostilitajiet bejn Iżrael u l-Iran li huma avversarji sal-mewt u li s’issa rnexxielhom jevitaw konflitt militari totali fuq il-fronti kollha. Sadanittant, il-programm nukleari tal-Iran jibqa’ l-aktar sors ta’ tensjoni, b’Iżrael jinsab konvint li l-Istat Iżlamiku ‘qed jirranka l-ħidma lejn arma atomika li biha jista’ jhedded lir-reġjun kollu’.