EURO 2020 Futbol Gruppi Sport

“Morata ma jistax jilgħab minuta oħra” – il-media Spanjola b’attakk fuq l-attakkant ta’ La Roja

Alvaro Morata

Żewġ partiti u żewġ dros għal Spanja fil-Euro 2020. L-iskwadra taħt it-tmexxija ta’ Luis Enrique qed tirriskja serjament li tista’ tispiċċa eliminata kmieni aktar milli wieħed kien jistenna minn dan it-turnament Ewropew, jekk ma jkunx hemm bidla fl-attitudni u wisq aktar fil-forma ta’ ċertu plejers. Wara r-riżultati u l-presteazzjonijiet deludenti ta’ kontra l-Iżvezja u l-Polonja rispettivament, il-media Spanjola qed tmexxi kampanja voċifora, b’kritika diretta fosthom lejn l-attakkant ta’ Juventus, Álvaro Morata.

Alvaro Morata jfalli wieħed miċ-ċansijiet il-kbar fil-partita tas-Sibt, kontra l-Polonja.

“Bil-mod ta’ kif qed jilgħab, Morata qed jispiċċa rraqqad il-missierijiet u t-tfal tagħhom meta dawn ikunu qed isegwuħ fl-azzjoni.”

Fiż-żewġ partiti ta’ Spanja f’din l-edizzjoni tal-Euro, Morata kellu kkonkluda seba’ darbiet lejn il-lasta avversarja u skorja biss gowl wieħed. Il-plejer ta’ 28 sena kien ikkritikat bl-aħrax għaliex falla diversi okkażżjonijiet ta’ skor, tant li wieħed mill-ġurnalisti sportivi ewlenin fil-pajjiż, Josep Pedrerol, li jirraporta għall-aktar gażżetta sportiva popolari fi Spanja, Marca, waqt programm televiżiv, ma ddejjaq xejn jgħid li Morata “m’huwiex it-tip ta’ plejer li kapaċi jispira lit-tim Spanjol.”

Il-ġurnalist Spanjol, Josep Pedrerol.

Iżda Pedrerol ma waqafx hawn, u kien aktar dirett fil-kritika tiegħu billi saħaq li “Morata ma jistax jilgħab minuta oħra mat-tim nazzjonali Spanjol, għaliex bil-mod ta’ kif qed jilgħab qed jispiċċa rraqqad il-missierijiet u t-tfal tagħhom meta dawn ikunu qed isegwuħ fl-azzjoni.”

Ir-risposta ta’ Morata għal dan il-kliem iebes u dirett? “L-approċċ tiegħi hu li nirrispetta kull tip ta’ kritika, u naħdem, naħdem u naħdem aktar.”

L-espressjoni ta’ diżappunt f’wiċċ Alvaro Morata għan-numru ta’ okkażżjonijiet ta’ skor li tilef s’issa fil-Euro 2020.