Lokali Parlament

Attakk bla raġuni u insensat fuq il-professjoni legali; qatt ma sar attakk daqsu

Jason Azzopardi, PN

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li l-Gvern qed imur kontra dak kollu l-professjoni legali akkwistat u qed iwettaq attakk insensat, koordinat u bla raġuni fuq l-indipendenza tal-professjoni legali.

Fil-parlament l-istituzzjonijiet huma taħt attakk u taħt assedju u barra minn Malta dan ikun innotat, sostna Jason Azzopardi, li kompla li l-Gvern idi jgħaddi romblu fuq il-Kamra tal-Avukati u b’arroganza jiddeċiedi hu min hu avukat u min jista’ jagħti servizzi ta’ avukat.

Jason Azzopardi qal li l-avukati għandhom ikunu marbuta bis-sigriet tal-qrar, b’regoli dwar l-etika, m’għandux ikun hemm klassi ta’ avukati u għandu jkun hemm organu indipendenti li jiddikjaraw min hu avukat iżda jkun il-ministru. Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-gvern illum qed ibiddel il-maġġoranza ta’ dak li f’April li għadda l-Gvern stess għadda b’liġi.

Hu sostna li dan juri dilettantiżmu. F’April il-Gvern għadda liġi li fiha definizzjoni ta’ x’inhu avukat u issa qed ibiddilha. Il-Gvern kien għadda wkoll liġi biex ebda persuna ma tipprovdi servizzi ta’ avukat u jgħid li hu avukati iżda issa bidilha wkoll.

Bidla oħra hi dwar ir-rikonoxximent li l-Kamra tal-Avikati tkun rikonoxxuta fil-liġi u tkun hi li toħroġ ir-regoli dwar l-eżami għall-warrant ta’ avukat. L-istess Gvern, erba’ ġimgħat wara qed jiddeċiedi mod ieħor.

Jason Azzopardi qal li l-Gvern qed jaġixxi b’arroganza tant li l-ġimgħa li għaddiet saret Laqgħa Ġenerali Straordinarja tal-Kamra tal-Avukati li fiha l-avukati ddikjaraw li issa żżejjed. L-avukati wrew allarm u tħassib dwar dan l-abbozz; fl-interess ta’ min qed issir din il-bidla? Il-Gvern irid li l-avukati li ma jaħdmux il-qorti ma jkunux marbuta bl-etika u bis-sigriet professjonali u li jkun il-ministru li jiddeċiedi.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-Kamra tal-Avukati lanqas għandha dawn ir-regoli li qed jipproponi l-Gvern u sostna li issa se ssir bejn il-Gvern u l-Kamra tal-Avukati. Għaliex din l-għaġġla u l-ferneżija? Min qed jiġri wara l-Gvern? Hemm xi tifel jew xi ħabib tal-ministru biex ikun akkomodat?

Jason Azzopardi sostna li għandha tkun il-Kamra tal-Avukati li jagħmlu r-regoli u mhux il-Ministru tal-Ġustizzja; hu ħażin li jitneħħa r-rikonoxximent tal-Kamra tal-Avukati fl-amministrazzjoni tal-professjonali legali. Hu qal li l-Kummissjoni Venezja tat raġun lill-PN dwar id-drittijiet tal-persuni li jidhru l-qorti jiffaċċjaw piena ta’ multi qawwija. Dan mhux Gvern progressiv iżda li nqata’ minn man-nies, sostna Jason Azzopardi.