Lokali

Bernard Grech fost l-Imqabbin

Il-kultura hi essenzjali biex il-persuna tiżviluppa fis-sħiħ. U dan joħroġ aktar biċ-ċar meta wieħed jara l-passjoni fil-bliet u l-irħula fejn il-Festi jibqgħu jkunu parti mit-tradizzjonijiet tagħna.

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt żjara li għamel f’diversi każini fl-Imqabba, hekk kif f’dan ir-raħal fi tmiem il-ġimgħa kienet iċċelebrata l-Festa ddedikata lill-Madonna tal-Ġilju.

Bernard Grech żar il-Każin tal-Klabb tal-Futbol, iż-żewġ Każini tal-Baned u anke l-Każini politiċi. Hemm, hu faħħar sehem il-mijiet ta’ voluntieri li ta’ kuljum jaraw li l-għaqdiet soċjali li huma membri tagħhom ikunu aktar parteċipi fil-ħajja tal-Imqabbin.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ra wkoll ix-xogħol li dawn l-għaqdiet iwettqu biex il-Festi jibqgħu ħajjin, minkejja l-isfidi li dawn kollha ffaċċjaw fl-aħħar xhur kawża tal-pandemija. Dan anke meta, din is-sena, qed ikunu organizzati biss iċ-Ċelebrazzjonijiet Liturġiċi fil-Knejjes.

Fi tmiem iż-żjarat fil-każini, Bernard Grech – akkumpanajat minn martu AnneMarie, Deputati u Kandidati, kif ukoll Kunsillieri Lokali u membri tal-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista – segwa wkoll spettaklu tan-nar, li l-Imqabbin tant huma magħrufin għalih fil-festi lokali.