Lokali

COVID-19: Każ ġdid u 5 mfejqa

Fl-aħħar 24 siegħa ġie rreġistrat każ ġdid biss ta’ Covid-19 fil-Gżejjer Maltin sabiex issa l-każi totali minn Marzu 2020 qed jammontaw għal 30,590.

Dan filwaqt li l-Ministeru għas-Saħħa ħabbar ukoll li fiequ 5 persuni oħra bit-total ta’ persuni mfejqa f’pajjiżna qed jammontaw għal 30,147.

Fortunatament bejn il-Ħadd u t-Tnejn l-ebda persuna ma tilfet ħajjitha kawża tal-virus u għaldaqstant il-fatalitajiet għadhom qed jammontaw għal 420.

Dan kollu jfisser li l-każi attivi issa naqsu għal 23.

Sal-jum tal-Ħadd kienu 288,195 il-persuni li tlaqqmu bi sħiħ biż-żewġ dożi tal-vaċċin jew bid-doża unika tal-Johnson&Johnson.

Intant ħaddiema u membri fl-industrija tad-Divertiment u l-Arti għadhom qed jappellaw lill-Awtoritajiet konċernati sabiex ma jibqgħux jiddeskriminaw fil-konfront tagħhom u jirrilassaw numru ta’ miżuri sabiex ikunu jistgħu jersqu qrib in-normalità mwiegħda lilhom mill-Gvern.

Għaldaqstant tlett ijiem oħra l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Industrija tal-Arti u d-Divertiment se tkun qed torganizza dimostazzjoni fi Pjazza San Ġorg fil-Belt Valletta.