Lokali Parlament

Il-Gvern jista’ joħloq warrants differenti iżda lanqas din il-proposta ma ressaq

Mario de Marco, PN

Id-deputat Nazzjonalista Mario de Marco qal li l-Gvern jista’ joħloq warrants differenti għall-avukati – għal dawk li jipprattikaw il-qorti u għal dawk li ma jiprpattikawx il-qorti – iżda lanqas din il-proposta ma ressaq.

Fil-parlment Mario de Marco tkellem dwar il-warrant li jingħata lill-avukati mill-President ta’ Malta u qal li tul iż-żmien l-avukati prattikanti m’humiex biss dawk li jipprattikaw fil-qrati iżda jipprattikaw fil-liġi kummerċjali, servizzi finanzjarji, marittimu, real estate u avjazzjoni.

Hu sostna li fl-2007 fuq pressjoni tal-Kamra tal-Avukati kienet saret emenda għal-liġi biex kien stabbilit li l-ebda persuna ma jista’ jeżerċita l-professjoni ta’ avukat mingħajr warrant tal-President ta’ Malta.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li f’April li għadda l-Gvern iddeċieda li jerġa’ jbiddel il-liġi biex jagħmilha iktar ċar li kull min hu avukat għandu bżonn il-warrant. Dan sar mill-istess Ministru Edward Zammit Lewis li ikkonsulta l-emendi li kienu saru fl-2007.

Mario de Marco kompla li issa l-istess ministru qed jipproponi li l-arloġġ jitreġġa’ lura għas-sitwazzjoni ta’ qabel l-2007 u jipproponi li avukat li ma jipprattikax il-qorti mhux se jkollhom bżonn aktar il-warrant. Hu sostna li l-Gvern jista’ jipprovdi warrant ieħor għal dawn il-persuni iżda bl-abbozz ta’ liġi l-Gvern mhu qed jgħid xejn dwar dan.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-Gvern seta’ għamel żewġ warrants differenti; għall-avukati li jaħdmu l-qorti u warrant għal dawk li ma jipprattikawx il-qorti. Il-Gvern qed iżomm għalih id-dritt fakoltattiv li jagħmel regoli dwar f’servizzi legali li ma jkunux jinkludu d-dritt li avukat jitratta.

Mario de Marco qal li l-Gvern ma kkonsultax mal-Oppożizzjoni jew mal-Kamra tal-Avukati u sostna li l-PN ma jistax jivvota mal-Gvern fuq dan l-abbozz għaliex dan hu passi lura u mhux ‘il quddiem.