Lokali Parlament

Il-Ministru Dalli ma tweġibx dwar jekk il-pajjiż xtarax dejjem enerġija bl-irħas prezz

Il-Ministru Miriam Dalli llum fil-parlament ħarbet milli twieġeb mistoqsijiet parlamentari tad-deputati Nazzjonalisti Ryan Callus u David Thake dwar ix-xiri tal-enerġija mill-interconnector u dwar l-istrateġija tal-low carbon emissions.

Il-Ministru Dalli kienet mitluba tagħti garanzija li l-pajjiż dejjem xtara enerġija bl-irħas prezz possibbli irrispettivament anki meta l-enerġija mill-interconenctor kienet irħas minn mill-Electrogas. Minkejja li kienet ippressata twieġeb dwar dan il-Ministru Dalli ħarbet għal darbtejn dawn il-mistoqsijiet u sostniet li l-istrateġija tal-Gvern hi li l-enerġija tinxtara bl-irħas prezz. Dawn il-mistoqsijiet saru fl-isfond tal-ftehim li l-Gvern għamel mal-Electrogas biex jixtri gass għal 18-il sena irrispettivament jekk dan ikunx l-irħas prezz fis-suq.