Lokali

Il-Ministru ma jridx jobdi lill-“istituzzjonijiet”

Jinsisti li ma jridx iħalli lil Net News jidħol bil-cameras fil-ħabs

Il-Gvern qed ikompli juri biċ-ċar li l-istituzzjonijiet huma tajbin biss jekk jiġbdu l-ħabel tiegħu. Konferma oħra ta’ kif il-Gvern jiddarras meta l-famużi istituzzjonijiet li tant jissemmew minnu jazzardaw jikkritikawh.

Din il-konferma tahielna l-Ministru Byron Camilleri meta bit-tweġibiet tiegħu tana x’nifhmu li ċ-ċamata li tat l-Awtorità tax-Xandir dwar filmat li deher tal-ħabs ma niżlitx tajjeb miegħu u mhux beħsiebu jagħti opportunità biex isir filmat ieħor li juri verament x’inhi s-sitwazzjoni f’Kordin. Il-filmat iddeskriva l-ħabs bħala ‘villaġġ wieħed fejn il-priġunieri jinsabu kuntenti‘.

Għall-mistoqsija għalfejn Net News għadu ma ngħatax permess jidħol jiffilmja, il-Ministru wieġeb li “Kordin hu post ta’ sigurtà u din trid tkun imħarsa”.

Mhux ċara lanqas il-loġika tal-Ministru li pprova jiġġustiifika l-fatt li ma tax permess lil Net News jidħol jiffilmja l-ħabs minħabba t-talbiet tal-proklami.

Għal xi raġuni li mhix ċara, il-Ministru li taħtu taqa’ r-responsabbiltà tal-ħabs qed jibqa’ jagħmel minn kollox biex iżomm lill-ġurnalisti milli jirrappurtaw fattwalment x’inhi s-sitwazzjoni vera f’Kordin permezz ta’ filmati inediti riċenti.

Din mhix l-ewwel darba li Net News talab li jidħol jagħmel servizz mill-ħabs, iżda l-Ministru jrid li jidħol biss ġurnalista bla camera. Xi ħaġa li ma tagħmilx sens meta wieħed irid juri viżwalment is-sitważżjoni wara l-bieb ta’ Kordin.