Ma jistax ikollok Unjoni Ewropea sħiħa mingħajr drittijiet fundamentali f’posthom. Għax l-Unjoni Ewropea mhix biss blokk ekonomiku, iżda garanzija ta’ għixien aħjar, fost l-oħrajn billi kulħadd ikollu l-libertà li jesprimi ruħu.
Hekk qalet il-Viċi President tal-Parlament Ewropew u Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew Roberta Metsola meta kienet qed tindirizza webinar dwar il-ħtieġa li jissaħħaħ iċ-Charter tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali.
Il-webinar kien organizzat mir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta u The Malta Independent. Fil-fatt, il-parteċipanti kollha ngħataw merħba mill-Kap tal-Uffiċċju Elena Grech, li fakkret kif, minkejja li ċ-Charter ilu fis-seħħ għal 20 sena, ilu 12-il sena jiġi infurzat.
Roberta Metsola minn naha taghha fakkret kif riċentament, il-Eurobarometer wera li s-Saltna tad-Dritt u d-demokrazija huma l-akbar drittijiet tal-Unjoni Ewropea. Barra minhekk, enfasizzat li kulħadd għandu jkollu d-dritt li jgħid u jikteb li jrid, anke meta ma naqblux.
Roberta Metsola appellat lill-Unjoni Ewropea biex tkompli tiġġieled il-kawżi SLAPP, li għandhom biss l-intenzjoni li jsiktu lil individwi u organizzazzjonijiet – partikolarment ġurnalisti – dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku.
Hi qalet li, sfortunatament, l-Unjoni Ewropea mhix tipproteġi biżżejjed lill-ġurnalisti u lill-media, tant li ilna naraw ġurnalisti fil-mira ta’ persuni qarrieqa u li għandhom f’moħħhom biss li jbeżżgħuhom. Għalhekk, għandna naraw li l-Unjoni Ewropea tkun soda f’ħidmietha għal kulmin iħares lejn Ewropa libera.
Min-naħa tagħha, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Vera Jourova qalet li Daphne Caruana Galizia kienet l-ispirazzjoni biex il-Liġi kontra l-kawżi SLAPP, partikolarment l-assassinju xokkanti tagħha u kif il-qraba tagħha kellhom jiffaċċjaw is-47 każ pendenti li kellha fil-Qorti biex jippruvaw isiktuha.
Hi qalet li l-Kummissjoni qed tiddedika aktar minn biljun u nofs ewro biex tappoġġja dan iċ-Charter, li spjegat kif jiġbor flimkien id-drittijiet fundamentali li fuqhom hi mibnija l-Unjoni Ewropea. Qalet li din l-għajnuna hi l-akbar waħda li l-Unjoni Ewropea qatt tat b’risq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini Ewropej.
Min-naħa l-oħra, Vera Jourova qalet li anke s-soċjetà ċivili hi strumentali biex dan iċ-Charter ikun aktar effettiv għall-Unjoni u l-Istati Membri biex is-Saltna tad-Dritt tibqa’ tirrenja. Tenniet li dan jista’ jsir realtà jekk naħdmu id f’id, u u kulħadd iħossu sħab fil-proġett.
//= $special ?>