Lokali Qorti

Kumpens ta’ aktar minn €39,000 għal ‘accountant’ li tkeċċa fuq email qarrieqa

It-Tribunal Industrijali preseduta miċ-Chairperson l-Avukat Geoffrey Vella ordna kumpanija biex tikkumpensa s-somma ta’ €39,289 lil accountant li tkeċċa wara li bagħat pagament ta’ €45,000 lil persuna li għamlitha tal-General Manager tal-istess kumpanija.

L-accountant George Agius fetaħ il-każ quddiem iut-Tribunal Industrijali kontra l-Arkadia Marketing Limited, li ilu jaħdem magħha sitt snin u għandu rwol ta’ kontrollur finanzjarju b’kuntratt li jiġġedded kull tliet snin. Fl-2016 huwa kien awtorizza l-imsemmi pagament elettroniku li rriżulta li kien frodi. Li ġata kien li huwa rċieva ittra elettronika fejn intalab jagħmel il-pagament barra mill-pajjiż minn dak li deher li kien il-General Manager tal-kumpanija meta fil-fatt dan ma kienx minnu.

Meta nduna Agius mill-ewwel għamel rapport lill-Pulizija u anke kkuntattja lill-bank biex il-ħlas ma jsirx. Il-pagament m’għaddix wara li ma kienx awtorizzat minn bank barra l-pajjiż. Kif żviluppaw l-affarijiet, il-kumpanija għaddiet lil Agius minn proċess ta’ dixxiplina u d-deċiżjoni finali kienet li jitkeċċa. Għalhekk huwa dlonk fetaħ il-kawża.

Wara li sema’ s-sottomissjonijiet miż-żewġ partijiet, it-Tribunal Industrijali nnota li l-email intbagħtet minn fuq indirizz li qatt ma kien intuża qabel mill-kumpanija. Ħareġ ukoll kif Agius kien offra li jekk il-flus ma jkunux irkuprati kien lest li jħallashom minn butu billi jinqagħtulu €1,000 fix-xahar.

L-Avukat Vella kkonkluda li l-kumpanija naqset meta Agius ma ngħatax il-‘handover’ bid-doveri tiegħu fil-bidu tal-impjieg tiegħu. Huwa sostnal li hija naqset ukoll meta ma ħaditx il-prekawzjonijiet sabiex tilqa’ għal dan it-tip ta’ frodi, magħruf bħala ‘phishing emails’, meta kien hemm uffiċjal fil-kumpanija li qabel dan il-każ kien wissiha dwar dawn it-tip ta’ emails iffrodati.

Min-naħa ħareġ ukoll li Agius naqas ukoll għax ma vverifikax dwar il-pagament. Kien għal din ir-raġuni li waqt li t-Tribunal laqa’ it-talba tiegħu għal kumpens, ġie deċiż li minflok jordna lill-Arkadia tagħti lil Agius it-€58,984 tagħti minflok €39,289 bit-tnaqqis ta’ kważi €20,000 ikun dovut għal dawk li sejjaħ nuqqasijiet tal-impjegat. Għal Agius deher l-Avukat Kris Borg u għall-kumpanija deher l-Avukat Andrew Borg Cardona.