Lokali Qorti

Libertà kundizzjonata wara li fl-aħħar tas-sena kkaġuna ġrieħi fuq martu u bintu

Raġel ta’ 63 sena mill-Ħamrun ġie lliberat bil-kundiuzzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien sena wara li nstab ħati li fil-31 ta’ Diċembru tas-sena 2019, għall-ħabta tal-5.00 p. m. fid-dar mingħajr il-ħsieb li joqtol jew li jqiegħed il-ħajja ta’ ħaddiehor f’periklu ċar, ikkaġuna ġrieħi ħfief fuq martu u bintu.

Huwa nstab ħati wkoll li fil-ġimgħat ta’ qabel insulenta, hedded jew inġurja bi kliem jew b’mod ieħor lil martu lil bintu . Mill-provi rriżulta li l-ħati għandu kondotta nadifa u l-Qorti ordnat li r-raġel jitpoġġa taħt Ordni ta’ Trattament sabiex ikompli jindirizza l-problemi ta’ rabja li għandu għal perjodu ta’ sena u intbagħet ukoll komunika lid-Direttur tal-Probation u Parole dwar il-każ.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Nadine Lia ordnat lill-ħati taħt obbligazzjoni personali għal perjodu ta’ sena taħt penali ta’ €1,000 kif ukoll ordnat il-ħruġ ta’ ordni ta’ protezzjoni kontra l-ħati favur martu u bintu għall-perjodu ta’ sena bl-iskop li tipprovdi għas-sigurta’ u għall-protezzjoni tal-vittmi u dan billi tipprojbixxi u tirrestringi lill-ħati milli javviċna, jikkuntattja, jimmolesta jew b’xi mod isegwi l-movimenti tal-vittmi.

Mill-investigazzjoni tal-pulizija irriżulta li l-imputat kien ħebb għal martu u bintu meta kien wasal id-dar u kienu fil-kamra tas-sodda u kkaġunalhom griehi hfief. l-Ispettur Matthew Galea, stazzjonat fl-Għassa tal-Ħamrun stqarr li fl-aħħar tas-sena 2019 , il-Pulizija tal-Ħamrun irċeviet rapport li kien hemm diżgwid domestiku f’dar fil-Ħamrun.

Fuq il-post marru s-Surġent Attard Flores u ż-żewġ Kuntistabbli Sunez u Gatt. Kif daħlu sabu lill-imputat fis-sular t’isfel, filwaqt li ġie nnutat li kien ġej xi għajjat mis-sular ta’ fuq, fejn kien hemm martu u bintu. Minkejja li kien hemm il-Pulizija fuq il-post, l-imputat kien ghadu qed iġib ruhu b’mod aggressiv.

Għalhekk ġie arrestat u wara li rrifjuta li jikkonsulta ma’ avukat, kien ta sqarrija li fiha innega li ħebb għal martu u għal bintu u spjega li jekk dawn għanhom xi ġrieħi dawn ġew ikkawżati mill-kelb tagħhom. Madankollu, l-imputat kien ikkonċeda li dan ma kienx inċident iżolat. Eventwalment ġie ċċertifikat li l-vittmi kienu qed isofru minn ġrieħi ħfief.

L-Ispettur Galea kien talab li jsir risk assesment mill-Aġenzija Appoġġ, fejn ġie stabbilit illi l-vittmi kienu fir-riskju għoli ta’ ħsara mill-imputat. Xehdet ukoll it-tabiba Maria Grazia Grech, mid-Dipartiment tal-kura primarja, li kkonfermat li kienet eżaminat lill-vittmi bl-omm kienet qed tbati minn nefħa fuq in-naħa tal-lemin ta’ rasha u wiċċha u farret fuq is-seba’ tan-nofs tax-xellug. It-tifla kellha abbrażjoni fil-minkeb tal-lemin u fin-naħa tax-xellug lejn in-nofs ta’ darha.

L-omm qalet li waqt li hi u bintha kienu qegħdin fl-ispare bedroom fuq sodod differenti jaraw videos fuq il-mobile, l-imputat kif wasal lura mix-xogħol, tela t-taraġ u fetaħ il-bieb tal-kamra fejn tkellem bil-herra u nfexx f’tgħajjir, dagħa u mossi oxxeni.

Ġibed il-‘quilt’ minn fuq it-tifla b’tant saħħa li xeħtilha l-mobile mal-art. F’dak il-ħin it-tgħajjir l-aktar li kien indirzzat kien lejn it-tifla, fejn qalilha “inti l-agħar waħda bejn oħtok il-kbira, ommok u int” u beda joffendiha “bid-demm tagħha”.

Hekk kif it-tifla qamet biex tiġbor il-mobile, l-imputat beda jagħti bil-ponn mal-ħajt u f’ħin minnhom ħabbtilha rasha mal-ħajt. F’dak il-mument il-mara sgiċċat ‘il barra mill-kamra u ċemplet għall-assistenza tal-Pulizija. Sadanittant il-kelb, tar-razza Maltese Terrier, beda jinbaħ minħabba l-kommossjoni, u l-imputat tah tliet daqqiet fuq wiċċu.

Ix-xhud ġibdet il-kelb lejha biex tipproteġieh u l-imputat taha daqqa b’idu fuq ġenbha li ħalliet marka. F’dak il-ħin it-tifla reġgħet intervjeniet u qalet lil missierha “le, lill-mummy ma ssawwatiex,” u ma’ dan reġa’ beda jagħti bil-ponn mal-ħajt u reġa’ ħabbat ras it-tifla, din id-darba ma inkwatru li kien mal-ħajt.

Eventwalment daqqet il-qanpiena u t-tifla fetħet permezz tal-intercom. Kienu waslu l-Pulizija. Fost it-tgħajjir li l-imputat qal lil mara, li hi “lesbjana”, li “għandha iswed”, li “magħmula minn demm qares” u li “nisa bħalek ħaqqhom min iħanxarhom”.

Il-Pulizija kkalmaw issitwazzjoni u filwaqt li ħadu lill-imputat magħhom l-Għassa, iddiriġew lix-xhud u bintha sabiex imorru ċ-Ċentru tas-Saħħa, fejn it-tnejn ġew invistati mill-istess tabiba. Il-mara spjegat kif dan ma kienx inċident iżolat u kien hemm diversi drabi qabel li l-imputat kien aggressiv magħha u maż-żewġ ulied.

Minkejja li kienu għaddejin minn proċeduri ta’ separazzjoni, kienu baqgħu joqgħodu fl-istess dar iżda x-xhud kienet torqod fl-ispare bedroom mat-tifla. Mistoqsija mill-Qorti jekk tafx il-kawża tal-imġieba tal-imputat dak inhar x’kienet, ix-xhud qalet li f’dak l-episodju l-iktar li kien ikkargat kien għat-tifla għax hu kien qed jippretendi li għandha tħeġġeġ lil ommha sabiex tibqa’ miegħu.

It-tifla xehdet simili ħafna għal dak li xehdet l-omm u qalet li misserha kien ilu barra gurnata shiha u la hi u lanqas ommha ma kienu qalulu xejn, izda spjegat li l-aggressjoni min-naha tal-imputat kienet ilha gejja tant li sa lejliet kien akkużaha li kienet f’konfoffa ma’ ommha kontrih u li hi ma riditx li l-affarijiet bejnu u ommha jitranġaw.

L-imputat kien jgħidliha li minkejja li kien xtralha karozza, kienet izzomm m’ommha, fejn hija kienet twieġeb li hija ma żżomm ma ħadd u tgħid biss il-verità. Spjegat li hja sofriet gundalla fuq in-naha tal-lemin lejn wara ta’ rasha. Kellha ukoll daqqa f’idejha u li l-episodju dam bejn nofs siegħa u tlett kwarti, jiġifieri minn x’hin wasal id-dar missierha sa ma waslu fuq il-post il-Pulizija. Ikkonfermat li waqt l-inċident hija qagħdet kwieta biex forsi tikkalma s-sitwazzjoni. L-Ispettur Matthew Galea mexxa l-Prosekuzzjoni.