Lokali

NIŻVELAW: Sejba ta’ armi u splussiv f’Miġra l-Ferħa

Pulizija mill-Ispecial Intervention Unit tal-Pulizija assistiti minn patrol boat tal-Forzi Armati ta’ Malta kmieni dalgħodu kienu impenjati f’operazzjoni delikata immens mal-irdumijiet ta’ Miġra l-Ferħa – operazzjoni li fiha kienu msejjħa għaddasa tal-AFM, uffiċjali mit-taqsima tar-Reati Maġġuri u anki tad-Distrett.

Dan is-sit għandu informazzjoni li tindika li fl-operazzjoni instabu armi, munizzjon u anke splussiv. L-AFM kienu qed joperaw fiz-zona bl-użu tal-patrol boat P23.

Net News jista’ jikkonferma li l-għaddasa elevaw xi boroż mill-baħar, fi tfittxija li kienet ilha għaddejja mill-ġurnata tal-Ħadd. Fil-fatt, fi stqarrija, il-Pulizija kkonfermat li l-operazzjoni bdiet fil-limiti tar-Rabat ilbieraħ wara nofsinhar, wara rapport li kienu ntlemħu xi armi f’qiegħ il-baħar. Għall-ħabta tat-3:15pm bdew it-tfittxijiet fil-baħar u ntemmu llum għall-ħabta tal-11:30am, fejn instabu armi, munizzjon kif ukoll materjal suspettat splussiv.

Mhux magħruf eżatt kif waslet din is-senjalazzjoni għand il-Pulizija li kien hemm l-armi fil-baħar – jekk waslitx minn sajjied, għaddas, jew persuni oħrajn.

Għal ħin twil, il-Pulizija għalqu l-aċċess għaż-żona biex tkun tista’ ssir din l-operazzjoni.ż

Bil-każ kienet infurmata l-Maġistrat Monice Vella li qed tmexxi inkjesta mgħejjuna bl-esperti.