EURO 2020 Futbol Gruppi Sport

Opinjoni | Min jiswa l-aktar

Charles Camenzuli  

Kampjonat tal-Ewropa ttimbrat Euro2020 jibqa’ l-isbaħ vetrina għal kull plejer u fl-istess waqt okkazjoni għall-aġenti tal-istess plejers . U daqs li kieku l-futbol huwa kummerċ fis-suq miftuħ fejn prezz ta’ kull plejer jitla’ w jinżel skont iċ-ċirkostanza , għal kull plejer kull riżultat fil-Euro2020 jgħamel id-differenza. Skont l-aktar sorsi nfluwenti did-dinja tat-trasferimenti l-aktar plejer ikkwotat jibqa’ l-attakkant ta’ PSG u Franza – Kylian Mbappe li ta’ 22 sena huwa stmat 160 miljun Ewro. Żieda wkoll fil-prezz ta’ Harry Kane pedina importanti tat-tim nazzjonali Ingliż .Ta’ 27 sena Kane huwa stmat 120 miljun Ewro jekk wieħed iqis li fl-aħħar edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja kien l-aqwa skorer.

Tlett plejers stmati mitt miljun kull wieħed huma l-britanniku Jadon Sancho u l-koppja tal-Belġju Romelu Lukaku u Kevin de Bruyne. Minkejja li l-kwotazzjoni ta’ ċerti plejers tista’ tinbidel wara l-11 ta’ Lulju bħalissa b’90 miljun Ewro huma stmati Bruno Fernandes tal-Portugal, l-Olandiż Frankie de Jong, Raheem Sterling tal-Ingilterra u l-Ġermaniż Joshua Kimmich.

Fatt kurjuż huwa li fil-lista aġġornata biex wieħed isib l-ewwel plejer tat-tim nazzjonali Taljan irid jinżel sat-28 post fejn Nicolo’ Barella huwa stmat 65 miljun Ewro b’Alessandro Bastoni aktar l-isfel fis-36 post bi stima ta’ 60 miljun Ewro.

Il-Euro2020 huwa wkoll il-vetrina għal pajjiżi anqas ikkwotati. Madankollu għal Macedonja ta’ Fuq, Enis Bardhi huwa stmat 15 il-miljun Ewro filwaqt li minkejja b’tariffa ta’ żewġ miljuni biss hemm wkoll Fredrik Jensen tal-Fillandja.

U bħal dejjem kull suċċess żgħir jew kbir jgħolli l-valur ta’ kull plejer la llum il-miljuni jiddettaw.