Lokali Parlament

Se jitlef il-pajjiż, l-avukati u ċ-ċittadini li jfittxu refuġju fl-avukati

Adrian Delia, PN

Id-deputat Nazzjonalista Adrian Delia qal fil-parlament li bil-miżuri li qed jipproponi l-Gvern se jkun tilef il-pajjiż, se titlef il-professjoni legali u dawk li jemmnu li l-ħarsien tad-dritt tagħhom fir-refuġju tal-avukat.

Adrian Delia qal li din il-liġi se tkun falliet fl-iskopijiet tagħha u sostna li l-Kamra tal-Avukati diġà ddikjarat li din il-liġi hi fqira fil-ħsieb u tfalli fit-test tal-proporzjonalità. Hu sostna li l-Gvern se jkun qed jikser il-liġi hu nnifsu jekk jibqa’ għaddej b’din il-liġi.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Gvern qed iwaqqa’ liġi li hu stess għadda f’April li għadda billi jneħħu affarijiet importanti fir-regolamentazzjoni tal-professjoni legali fosthom ir-rikonoxximent tal-Kamra tal-Avukati, l-obbligu lid-ditti legali jkunu reġistrati fil-mod kif inhuma kostitwiti anki biex il-pubbliku jkun jaf min huma u li l-warrant tal-avukati ma jkunx iktar meħtieġ; meta dan qiegħed hemm biex jipproteġi liċ-ċittadin.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-iskop li tkellmu dwaru l-Ministru Herrera iżda mhux qiegħed fil-liġi u l-liġi hi bil-maqlub. Din il-liġi qed tneżża lil dawk li għandu jkollhom il-warrant u mhux tagħmel distinzjoni bejn il-warrants.

Skont din il-liġi, lill-avukati li jipprattikaw il-qorti se jibqgħu l-avukati bil-warrant filwaqt li l-oħrajn li ma jmorrux il-qorti jkunu fornituri tas-servizzi legali. Iżda min se jirregola lil dan is-servizz li issa se jkun bla warrant. Dawn mhux se jibqgħu avukati għax mhux se jipprattikaw il-qorti bil-konsegwenza li l-poplu se jmur għand dawn in-nies meta dawn m’għadhomx warrant. Lil min qed jipproteġi l-Gvern?, staqsa Adrian Delia, li qal li hemm diġà hemm madwar 200 avukat li ffirmaw kontra din il-liġi, li ma tagħmilx sens.

B’din il-liġi se jitneħħew madwar 75% ta’ dawk li llum huma avukati, sostan d-deputat Nazzjonalista, li kompla li għandhom isiru emendi aħjar biex is-sitwazzjoni titjieb u mhux tmur lura. Hu qal li hemm diversi proposti li jistgħu jitwettqu fosthom li l-avukati jkomplu jaġġornaw lilhom innfushom biex jagħtu l-aqwa servizzi possibbli.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li dawn il-miżuri tal-Gvern qed isiru f’mod ħażin meta Malta tista’ titpoġġa fil-lista l-griża b’konsegwenza negattiva kbira għall-pajjiż.

Hu qal li din il-liġi qed issir għaliex kien hemm min induna li ma kienx se jkun kapaċi li jipprovdi s-servizzi ta’ avukati u fornituri tas-servizzi legali. Jeħtieġ li fil-laqgħa ta’ nhar l-Erbgħa jirbaħ is-sens komun; il-Gvern jista’ jagħżel li jarmi dak li tajjeb li sar f’April li għadda u jkun qed juri disprezz lejn il-professjoni tal-avukati waqt li jkun qed ineħħu l-protezzjoni ta’ dawk li jfittxu refuġju għand l-avukat. Jekk dan, se jkun tilef il-pajjiż, il-professjoni legali u dawk li jemmnu li l-ħarsien tad-dritt tagħhom fir-refuġju tal-avukat, sostna Adrian Delia.