Sitt snin wara li ntrabat ma’ Vitals Global Healthcare, il-Gvern għadu ċass fil-konfront ta’ dan id-deal skandaluż li għamel bi flus il-poplu, meta biegh it-tliet sptarijiet.
Wara snin ta’ kontroversji waħda wara l-oħra marbuta ma’ dan il-kuntratt ivvizzjat, il-Gvern għadu sieq fuq sieq filwaqt li jibqa’ jimpala l-miljuni lil Steward.
F’rapport uffiċjali fl-2020, l-Awditur Ġenerali kien stqarr li Vitals Global Healthcare, lanqas biss kellhom qatt jiġu kkonsidrati għal dan il-kuntratt, aħseb w’ara kemm kellhom jirbħuh. Dan b’kuntrast ma dak li kien qal Kumitat tal-Evalwazzjoni mwaqqaf apposta fl-2015, li ddeskriva lil VGH bħala “ideali biex jieħdu f’idejhom it-tmexxija tat-tliet sptarijiet li xi darba kienu tal-Maltin”.
Sena u nofs ilu, il-Prim Ministru Robert Abela kien ħabbar li kien waqqaf kumitat ieħor. Din id-darba biex jerġa jevalwa dan id-deal skandaluż.
Illum Net News staqsa lid-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, fiex wasal ix-xogħol ta’ dan il-kumitat. It-tweġiba ta’ Fearne kienet li “l-Kumitat għaddej bix-xogħol… ix-xogħol għaddej tajjeb b’ritmu tajjeb”.
Madankollu mistoqsji jekk dan il-Kumitat sabx xi ħaġa, Fearne għazel li ma jweġibx.
Mhux magħruf jekk dan il-kumitat għandux terminu sa meta jrid jippreżenta r-riżultat tal-istħarriġ tiegħu. Intant il-poplu għadu qed iħallas minn butu għal dan il-kuntratt – deal ieħor ittimbrat bħala ivvizzjat.
Il-Partit Nazzjonalista ilu s-snin jiġġieled biex l-isptarijiet tal-Maltin jiġu lura f’idejna, bl-eks Kap tal-PN Adrian Delia saħansitra fetaħ kawża l-Qorti.
Apparti minn hekk, il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar ġimgħat għamel ukoll pubbliċi l-proposti tiegħu fil-qasam tas-saħħa, bħall-wegħda li l-Isptar t’Għawdex jingħata lura lill-Għawdxin, kif ukoll impenn ferm aktar sħiħ fil-kura u s-sostenn fil-komunitá tal-anzjani, persuni b’diżabilita u dawk li jbatu bid-dimensja u diffikultajiet ta’ saħħa mentali fost l-oħrajn.
//= $special ?>