Lokali

Taljan iweġġa’ gravi wara li nqabad bejn żewġ trakkijiet

Taljan ta’ 40 sena u li jaħdem fil-qasam tal-kostruzzjoni sofra feriti gravi wara li inċidentalment inqabad bejn żewġ inġenji waqt li kien qed isir xi xogħol fi Triq San Ġeraldu, f’San Pawl il-Baħar.

L-inċident seħħ għall-ħabta tad-9am, meta fil-post – qrib il-klabb tal-waterpolo tas-Sirens – kienu qed isiru l-aħħar tħejjijiet għal ġurnata oħra ta’ xogħol. Iżda għal xi raġuni, it-Taljan ma ndunax li waħda mill-inġenji kienet miexja fid-direzzjoni ta’ inġenju ieħor li kien imtella’ fuq is-saqajn ta’ appoġġ, bil-konsegwenza li hu nqabad bejniethom.

Il-kollegi tiegħu ċemplu immedjatament għas-servizzi ta’ emerġenza. Fil-fatt, fil-post waslu l-Pulizija u tim mediku b’Ambulanza, li ta l-ewwel għajnuna qabel ma t-Taljan ittieħed l-Isptar Mater Dei. Hemm hu kien iċċertifikat li qed isofri minn feriti gravi.

Fil-post tal-inċident, evidenti x-xokk fost il-kollegi tar-raġel, fost biża’ li hu seta’ weġġa’ aktar serjament. Madankollu, huma serrħu xi ftit moħħhom meta waslet l-aħbar mill-Isptar li ma jinsabx fil-periklu li jitlef ħajtu, iżda f’kundizzjoni gravi, aktarx kawża ta’ xi ksur.

Aktar investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.