Lokali Qorti

€2,000 multa talli saqu muturi bi pjanċi misruqin

Żewġ nisa Finlandiżi li għamlu perjodu jaħdmu f’Malta u llum jinsbu fil-pajjiż bħala turisti ġew immultati €2,000 ewro kull wieħed mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras wara li ammettew li saqu l-muturi li huma xtraw bi pjanċi misruqin. Huma ammettew ukoll li saqu mingħajr polza tas-sigurtà u minbarra l-multa kellhom il-liċenzja tas-sewqan sospiża għal 12-il xahar.

L-Ispettur Hubert Gerada li ressaq lil Kari Tapio Tuikka ta’ 31 sena u lil Maria Hiltunen ta’ 23 sena, u li t-tnejn huma residenti f’appartament f’Ħ’Attard qal li fis-1.00pm ta’ nhar it-Tnejn huwa kien infurmat mill-ajruport internazzjonali ta’ Malta li żewġ numri mhux reġistrati kienu fuq żewġ muturi u li wara li ġew intraċċati t-tfajliet dawn ammettew miegħu wara li kellimhm fl-uffiċju li kienu qegħdin jagħmlu użu minn dawn il-vetturi.

Minkejja li tawh l-indirizz ta’ fejn joqgħodu, l-Prosekutur qal li qalulu li m’għandhomx indirizz fiss. Huma ammettew li kkommettew diversi atti mwettqa, anke fi żminijiet differenti, li jikkostitwixxu vjolazzjonijiet u li fil-21 ta ’Ġunju 2021, u qabel fl-ajruport Internazzjonali ta’ Malta u fil-gżejjer Maltin tali atti għandhom jitqiesu bħala reat kontinwu.

Ammettew ukoll li bħala persuni responsabbli għamlu użu mir-reġistrazzjoni ta’ chasis oriġinali ta’ Peugeot, u li kienu qed jagħmlu użu mill-vetturi msemmija mingħajr ebda assigurazzjoni valida. Dan kollu għamluh sabiex jiksbu xi vantaġġ jew benefiċċji għalihom infushom jew għal oħrajn, u li għamlu dikjarazzjoni falza li taw informazzjoni falza bi pjanċi tan-numru misruqa

In-nisa ammettew ukoll li l-imsemmija vetturi ma kinux qed iġorru n-numri tal-pjanċi li nħarġu mill-Awtorità Maltija tat-Trasport. Filwaqt li kienu qed jammettu l-akkużi kontrihom, l-Avukat Martin Fenech li deher għan-nisa qal li huma ma kienux jafu li l-pjanċi kienu misruqin meta xtraw il-muturi.

Il-Prosekuzzjoni qalet lill-Qorti li Tuikka u Hiltunen ikkoperaw mal-Pulizija u fid-dawl tal-ammissjoni bikrija tagħhom, il-Qorti qalet li dan ir-reat mhuwiex xi wieħed ta’ portata żgħira, iżda qieset ukoll il-koperazzjoni tagħhom u qaltilhom li jekk il-multa ma titħallasx, din se tiġi konvertita fi priġunerija.