Lokali Parlament

Il-parlament isellem lil Mary Pace; “il-volontarjat kienet tħossu”

Il-parlament Malti llejla sellem lil Mary Pace, omm id-Deputat Speaker u deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg li mietet ftit ilu fejn kienet deskritta bħala persuna li tat ħafna lill-volontarjat u li kienet verament tħoss l-importanza tal-volontarjat.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li hu kien iddiskuta l-ommijiet tiegħu ta’ Claudette Buttigieg għaliex it-tnejn kienu l-isptar fl-istess perjodu u kienu jagħmlu kuraġġ lil xulxin. Hu spjega kif Mary Pace kienet magħrufa kemm tagħmel volontarjat fis-soċjetà għaliex il-volontarjat kienet tħossu.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li kienet persuna li kienet tagħti ħafna ħin f’għaqda volontarja u fid-dar mal-familja; aspetti li juru l-karattru Malti. Hu kompla li Mary Pace kienet tgħin fi ħdan il-Hospice u tieħu ħsieb lill-persuni li jkunu lejn tmiem ħajjithom. Din hi karatteristika tagħna l-Maltin fil-ħarsien tal-familja Maltija.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li kellu l-fortuna li jsir jaf lil Mary u lil żewġha Victor Pace fix-xogħol professjonali; kienet persuna li tittrasmetti elementi sbieħ fil-bniedem. Kienet bniedma dixxiplinata li tħobb u tieħu ħsieb kif ukoll intelliġenti u għaqlija.

Kull min iltaqa’ ma’ Mary kien jifhem u japprezza dawn il-virtujiet tagha; kienet il-bastun tal-familja għax taħseb għal kulħadd u f’kulħadd. Dawn l-elementi sbieħ huma kwalitajiet li kull persuna għandha taspira li tipprova tilħaq; is-sens ta’ lealtà u korrettezza.

Il-Kap tal-PN qal li wħud minn dawn il-kwalitajiet kienu mgħoddija lil Antoine u lil Claudette iżda Mary poġġiet dawn l-elementi kollha f’daqqa fil-volontarjat.

Huma propju persuni bħal Mary u eluf ta’ volontarji oħra li jkomplu jagħtu valur kbir lil dan is-settur. Hu appella biex il-familja tkompli tmexxi u twassal dawn il-kwalitajiet u jkomplu jgħinu fil-volontarjat.

Id-deputat Nazzjonalista Cluadette Buttigieg sellmet is-servizzi fl-isptar fejn kienet ommha u qalet li dan hu servizz li jingħata b’imħabba. Il-Hospice huma għaqda li tagħti kontribut kbir biex jgħinu lil dawn il-pazjenti li jkunu għaddejjin mill-isfidi mediċi, sostniet id-Deputat Speaker.