Lokali

Il-PN irid ikompli jinvesti fil-persuna għax ir-riżorsa umana hija ċ-ċavetta għal servizz eċċellenti

Il-Partit Nazzjonalista huwa kommess li jkompli jinvesti fil-persuni għax ir-riżorsa umana hija ċ-ċavetta għal servizz eċċellenti li jingħataw dawk kollha li jżuru pajjiżna.

Kien dan il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta t-Tlieta filgħodu għamel żjara fl-uffiċini tal-Aviaserve fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Mal-wasla tiegħu huwa ntlaqa’ mill-Kap Eżekuttiv Kenneth De Martino kif ukoll mid-diriġenti tal-Aviaserve.

Bernard Grech irringrazzja lil dawn il-ħaddiema għas-servizz li jagħtu kemm lill-poplu Malti kif ukoll lit-turisti li jiġu f’pajjiżna. Huwa qal li s-settur tal-avjazzjoni huwa importanti ferm għal pajjiżna għalhekk il-Partit Nazzjonalista se jaħdem sabiex jara li dan is-settur jkompli jikber u operaturi privati jkunu jistgħu jkabbru l-operat tagħhom f’pajjiżna. I-Kap tal-Partit Nazzjonalsita saħaq li se jkompli jaħdem sabiex naraw liema huma l-ingredjenti neċessarji sabiex din l-industrija tkompli timxi ‘l quddiem.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Aviaserve Kenneth De Martino qal li l-industrija tal-avjazzjoni hija l-bieb prinċipali tat-turiżmu f’pajjiżna, fejn huma determinati li jagħtu l-iktar esperjanza pożittiva lit-turisti li jiġu Malta. Huwa qal li dawn l-aħħar 15-il xahar kienu diffiċli ferm għal dan is-settur, b’mod partikolari it-tliet xhur li maturlhom l-Ajurport Internazzjonali ta’ Malta kellu jingħalaq. Iżda l-kumpanija Aviaserve għażlet li matul dan il-perjodu toffri iktar taħriġ lill-ħaddiema tagħha, għax finalment il-ħaddiem huwa l-iktar riżorsa importanti għal din il-kumpanija.