EURO 2020 Futbol Gruppi Sport

Il-UEFA ma tilqax it-talba biex l-Allianz Arena jinxtegħel bil-kuluri tal-komunita’ LGBTIQ+

Il-UEFA ma laqatx it-talba biex l-Allianz Arena fi Munich jinxtegħel bil-kuluri tal-qawsalla, kuluri li jirrappreżentaw il-komunita’ tal-LGBTIQ+, għall-partita minn Grupp F bejn l-Ġermanja u l-Ungerija. Attivisti u organizzaturi fi Munich riedu li dan iseħħ bi protesta kontra liġi li għaddiet fl-Ungerija, fejn projbixxit persuni li jifformaw parti mill-komunita’ LGBTIQ+ milli jidhru f’materjal edukattiv jew f’serje tat-televiżjoni, immirati għal tfal ta’ taħt it-18-il sena.

Fl-istqarrija tagħha l-UEFA qalet li hija organizzazzjoni newtrali kemm fil-politika kif ukoll fir-reliġjon u fid-dawl taċ-ċirkostanzi li qed iseħħ din il-protesta, mhux se tkun qed taċċetta li dan iseħħ fl-Allianz Arena fi Munich. Madanakollu l-UEFA proponiet li l-istadium jinxtegħel bil-kuluri tal-LGBTIQ+ f’dati oħra.