Internazzjonali Lokali Unjoni Ewropea

Jiftħu s-sottomissjonijiet tal-Premju għall-Ġurnaliżmu tal-PE

Mil-lum, ġurnalisti jew għaqdiet tal-ġurnalisti jistgħu jibdew japplikaw biex jieħdu sehem fil-Premju għall-Ġurnaliżmu Daphne Caruana Galizia. Dan il-Premju, li se jingħata għall-ewwel darba f’Ottubru li ġej, hu organizzat mill-Parlament Ewropew, u filwaqt li jonora l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, se jkun qed jirrikonoxxi l-ħidma tal-ġurnalisti madwar l- Ewropa.

It-tnedija tas-sit fejn jistgħu jsiru s-sottomissjonijiet saret waqt attività fi Brussell, li kienet indirizzata, fost l-oħrajn, mill-Membru tal-Parlament Ewropew tal-Partit Nazzjonalista David Casa, li kien hu li ħadem fil-Bureau tal-Parlament Ewropew biex dan il-Premju sar realtà.

“B’dan il-premju għall-ġurnaliżmu, qed nibgħatu messaġġ ċar. Lilkom il-ġurnalisti li l-Parlament Ewropew mhux se jħallikom weħidkom fil-ġlieda għall-verita’. Lilkom li qtiltu jew qed theddu lill-ġurnalisti, li l-Parlament Ewropew hu l-għadu tagħkom. Lilkom Gvernijiet li qed toħonqu l-liberta’ tal-espressjoni, il-Parlament Ewropew mhux se jieqaf jiġġieled biex kull ġurnalist u ġurnalista jkunu liberi li jinvestigaw lil min iridu, xi jridu, u ħadd u xejn m’għandu jwaqqafhom.

Waqt l-attivita’ fi Brussell, ħa sehem ukoll Matthew, iben Daphne Caruana Galizia, fejn qal li jittama li dan il-premju jħeġġeġ il-ġurnalisti jżidu l-investigazzjonijiet tagħhom, kif ukoll biex aktar nies jidħlu fid-dinja tal-ġurnaliżmu. L-applikazzjonijiet issa jibqgħu miftuħa sal-1 ta’ Settembru li ġej.

“Bħala MEP Malti, jien inħeġġeġ lill-ġurnalisti Maltin, biex tieħdu din l-opportunita’ u tissottomettu investigazzjonijiet li intom għamiltu biex intom ukoll tidħlu fiċ-ċans li tkunu l-ewwel rebbieħa ta’ dan il-Premju tant importanti. Premju, li mhux biss hu għal qalbi fuq livell personali, imma għandu jkun għal qalb kull Malti u Maltija, Għawdxi u Għawdxija.

Ir-rebbieħ jew rebbieħa ta’ dan il-Premju se jkunu magħżula minn ġurija indipendenti, mingħajr ebda involviment tal-politiċi. Iċ-ċerimonja ssir fl-14 ta’ Ottubru li ġej, fl-okkażjoni ta’ erba’ snin mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.