EURO 2020 Futbol Gruppi Sport

L-Ingliżi naqsu milli jimpressjonaw fl-ewwel żewġ partiti

(Ritratt: EPA)

L-Ingilterra se tkun qed tilgħab l-aħħar partita minn Grupp D kontra r-Repubblika Ċeka hekk kif iż-żewġ nazzjonijiet jinsabu l-ewwel fil-grupp b’erba’ punti.

Il-players tal-Ingilterra naqsu milli jimpressjonaw fl-ewwel żewġ partiti tal-grupp hekk kif rebħu 1-0 kontra l-Kroazja u draw diżappuntanti kontra r-rivali l-Iskozja. Bil-kowċ tal-Ingilterra Gareth Southgate indeċiż fuq l-aqwa ħdax-il player hekk kif għandu għażla wiesa ta’ talent, dan jidher li qed iħalli mpatt fuq il-kollettiv tat-tim hekk kif minkejja li ma sofrewx gowl, skorjaw gowl wieħed biss f’żewġ partiti.

Minn naħa l-oħra, r-Repubblika Ċeka kien wieħed mit-timijiet li ssorprenda f’din il-kompetizzjoni hekk kif fl-ewwel partita kiseb rebħa ta’ 2-0 fuq l-Iskozja filwaqt li temm fi draw ta’ 1-1 kontra l-Kroazja. L-attakkant Patrik Schick kien strumentali fiż-żewġ partita hekk kif s’issa skorja tliet gowls.

Fil-partiti preċidenti, l-Ingilterra rebħet darbtejn filwaqt li r-Repubblika Ċeka rebħet darba, b’partita waħda tintemm fi draw.

Grupp D: Ingilterra v Repubblika Ċeka 9.00pm