Internazzjonali

L-Italja se tneħħi l-maskri, u l-Ingilterra tħejji għall-‘booster’

Fi ftit tal-jiem oħra, il-maskri protettivi fl-Italja jistgħu ma jintlibsux barra.

Din id-deċizzjoni se tidħol fis-seħħ mit-28 ta’ Ġunju li ġej, fir-reġjuni kollha li huma mmarkati bojod – u allura mingħajr restizzjonijiet tal-Covid-19. Dan għalhekk se jgħodd għar-reġjuni kollha Taljani, bl-eċċezzjoni tal-Vale D’Aosta.

Min-naħa l-oħra r-Renju Unit qed jippjana biex fil-ħarifa li ġejja jipprovdi liċ-ċittadini tiegħu il-‘booster’ tal-Covid-19. Kien is-Segretarju tas-Saħħa Ingliż Matt Hancock illi spjega kif il-pjan tal-booster mistenni jitħabbar fil-jiem li ġejjin.

It-tobba fir-Renju Unit huma tal-fehma li l-ippjanar għall-għoti tal-‘booster’ irid jibda issa għax jinvolvi sfidi kbar, speċjalment meta fil-pajjiż għadhom qed jiżdiedu l-infezzjonijiet.

Preżentament, ħafna għadhom qed jistaqsu kemm se ddum il-protezzjoni mill-vaċċin u jekk il-‘booster’ għandux jibda jingħata kull sena, bħal dak tal-influwenza.

Intant, ħafna mill-pajjiżi li huma meqjusa foqra, mhux jirċievu biżejjed dożi tal-vaċċin ghal kontra l-Covid-19. Dan qalitu l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa fejn sostniet li l-programm Covax kellu jwassal 90 miljun doża tal-vaċċin lil 131 pajjiż; madankollu dan huwa ‘l bogħod minn dak li tassew hu meħtieġ biex il-popolazzjoni kollha tad-dinja jkollha aċċess għat-tilqim.

Id-WHO qalet li bħalissa ħafna pajjiżi Afrikani qed jaffaċjaw it-tielet mewġa tal-Covid, b’rati allarmanti ta’ infezzjonijiet.

S’issa fil-kontinent ġar tagħna ngħataw 40 miljun doża tal-vaċċin, li jammontaw għal 2% biss tal-popolazzjoni li hemm fil-kontinent Afrikan.