Internazzjonali

L-UNESCO twissi dwar il-‘Great Barrier Reef’

L-Organizzazzjoni Edukattiva, Xjentifika u Kulturali tan-Nazzjonijiet Uniti – magħrufa aħjar bħala UNESCO — wissiet li l-Great Barrier Reef tal-Awstralja jinsab f’periklu li jinqered minħabba l-effetti tal-bidliet fil-klima.  L-istess organizzazzjoni qalet ukoll li l-Great Barrier Reef għandu ikun inkluż f’lista ta’ World Heritage Sites li jinsabu taħt ‘theddida kważi immedjata’.

Il-Great Barrier Reef hu ffurmat mill-akbar sikka tal-qroll fid-dinja u li hi magħmulha minn xi 900 gżira li jġebbdu fuq zona twila ta’ baħar. Din is-sikka tinsab fil-Coral Sea, ‘il hinn mill-kosta tal-Istat Awstraljan ta’ Queensland.

Intant, l-istqarrija tal-UNESCO ingħatat wara li fl-aħħar jiem ħareġ rapport ieħor dwar kif dawn is-sikek tal-qroll qed ikunu affetwati mill-bidliet fil-klima.

Fl-istqarrija, l-UNESCO appellat biex l-Awstralja tieħu azzjoni akbar fil-futur qarib biex, kemm jista’ ikun, tipproteġi din iz-zona. Intant, l-UNESCO qalet li l-Great Barrier Reef għandu jinżel ‘l isfel ( f’sistema ta’ downgrading) fil-lista tal-aktar siti prominenti – b’dan il-pass kapaċi jkun ikkonfermat waqt laqgħa li se ssir ix-xahar id-dieħel.

Fl-istess ħin, l-UNESCO qed tħeġġeġ biex l-Awstralja tieħu ‘azzjoni immedjata’ biex tindirizza l-global warming – bil-Gvern Awstraljan itenni li se ‘jopponi bil-qawwi’ ir-rakkmandazzjoni għad-downgrading tal-Great Barrier Reef bħala sit prominenti tad-dinja.