Sport Sport Ieħor

Luxol St.Andrews jgħaddu għall-finali

Luxol St Andrews għaddew għall-finali tal-kampjonat nazzjonali organizzat mill-FMA wara li għelbu lir-rivali eterni Valletta Futsal bl-iskor ta’ 6-2.  Wara li dawn iż-żewġ timijiet spiċċaw b’punti ndaqs fil-klassifika flimkien ma’ Swieqi United, kien meħtieġ dan il-konfront sabiex jiġi deċiż l-ewwel finalist.  It-tim immexxi minn Gabriel Dobre kien superlattiv fil-logħob tiegħu u ftit ta ċans lill-avversarji Beltin sabiex jimponu l-logħob tipiku tagħhom. Huma stabilixxew vantaġġ doppju permezz ta’ Maicon da Silva sabiex Everton Veve rdoppja l-iskor ftit minuti wara.

Il-Beltin ma ridux iċedu u naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ Felipe Otero għalkemm sekonda qabel tmiem l-ewwel taqsima, Leanderson Sant’Anna Coriolano għamel l-iskor 3-1. Fit-tieni taqsima, il-pjan tal-logħba qajla nbidel tant li Luxol komplew jiskorjaw b’Leanderson li saħansitra jgħaqqad hat-trick u b’Carl Azzopardi jżid ieħor.  Finalment kien Mohammed Elamari li reġa’ naqqas il-marġni tal-iskor għal Valletta. Dawn tal-aħħar għandhom l-aħħar ċans li jagħmluha għall-finali meta għada jiltaqgħu fis-semifinali kontra Swieqi United bil-partita tibda fi 8.45pm u tintlagħab fil-Padiljun tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke.