Lokali Qorti

Mixli b’vandaliżmu fl-ajruport minħabba li ma setax imur ħdejn ibnu li jinsab marid

Raġel iddisprat li ried jitlaq minn Malta biex jgħin lil ibnu marid iżda ma kellu l-ebda dokument tal-ivvjaġġar validu nżamm taħt arrest preventiv wara li allegatament għamel ħsara lil monitor fl-ajruport. L-inċident seħħ nhar is-Sibt li għadda għall-ħabta tad-9.30pm meta ċ-ċittadin Etjopjan Abdirizak Abdillah Abdi ta’ 27 sena mar l-ajruport bi frustrazzjoni li ma setax jivvjaġġa lejn il-Ġermanja biex ikun ma’ ibnu marid.

Il-Qorti semgħet li t-tifel għandu bżonn operazzjoni u l-awtoritajiet Ġermaniżi allegatament kienu qed jirrifjutaw li jkomplu bl-operazzjoni mingħajr il-firma tal-missier. “Huwa ilu diversi xhur jipprova jikseb passaport,” qal l-avukat tal-għajnuna legali Christopher Chircop.

Iktar tard żied li “il-burokrazija” kienet qed tfixkel ix-xewqa ta’ dan ir-raġel li jerġa’ jingħaqad ma’ ibnu. L-Ispettur Prosekutur Silvio Magro spjega li l-akkużat kien mar volontarjament fl-għassa tal-pulizija wara l-inċident, allegatament stqarr kif kien tefa’ ġebla fuq monitor tat-titjira.

Il-qorti spjegat lill-akkużat li ħsara volontarja fuq propjetà ta’ terzi huwa reat serju, punibbli bil-ħabs, u l-akkużat eventwalment wieġeb mhux ħati, wara li kkonsulta lill-avukat tiegħu permezz tal-għajnuna ta’ interpretu li jitkellem bl-Għarbi.

Talba għall-ħelsien mill-arrest kienet oġġezzjonata bil-qawwa mill-prosekuzzjoni peress li l-akkużat ma kellu l-ebda residenza fissa, u li hu qal lill-pulizija li kien joqgħod il-Fgura u wara qal li kien qed joqgħod ma’ ħbieb f’Ħal Kirkop. Barra minn hekk, ir-raġel kellu l-intenzjoni jivvjaġġa lejn il-Ġermanja, qal l-Ispettur Magro.

L-avukat difensur irribatta billi sostna li l-akkużat kellu ċ-ċwievet ta’ residenza f’Ħal Kirkop u kellu wkoll impjieg f’Malta. Wara li semgħet sottomissjonijiet miż-żewġ partijiet il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest peress li l-akkużat naqas milli jipprovdi garanzija suffiċjenti kif mitlub mil-liġi.