Lokali Qorti

Pre-sentencing report għal raġel li kkopera mal-Pulizija fuq serq ta’ djamanti

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Nadine Lia ordnat li mill-aktar fis isir pre-sentencing report fil-konfront ta’ Carmel Azzopardi ta’ 55 sena mill-Imsida li l-ġimgħa l-oħra ammetta li seraq djamanti li l-valur tagħhom huwa ta’ €10,000. Azzopardi li kellu problema ta’ droga li kien beda jindirizza biegħ dawn id-djamanti propjetà ta’ kumpanija li kienet tħaddmu biex jiffinanzja l-vizzju tad-droga.

L-Ispettur Paul Camilleri xehed fil-Qorti li tkellem mal-imputat fil-preżenza tal-avukat tiegħu Darren Carabott li qallu li kien biegħ il-ġojjelli lil ċertu Joseph Tabone li għandu ħanut Ħal-Qormi. Il-ġojjelli kollha ġew irkuprati u l-Ispettur Camilleri qal lil kieku ma kienx għal Carmel Azzopardi ma kienux jaslu għal Tabone, li nhar it-Tnejn tressaq il-Qorti mixli li laqa’ għandu bi €8,000 f’ġojjelli u deheb.  

Fdan l-istadju difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest ta’ Azzopardi u ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni minn naħa tal-Prosekuzzjoni. Il-Qorti laqgħet it-talba u ordnat lil Carmel Azzopardi biex jiffirma darbtejn fil-ġimgħa l-Għassa tal-Pulizija tal-Imsida li jkun id-dar sad-9.00pm u ma joħroġx qabel is-6.00am. u jagħmel depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €9,000. Il-każ ikompli fit-22 ta’ Lulju fid-9.00am.