Sport Waterpolo

San Ġiljan jingħataw battikata minn Valletta

Kienu gowl distakk qabel l-aħħar sessjoni

Rapport: Stewart Said

VALLETTA IZIBET…………………… 7

SAN ĠILJAN MERCURY……….. 11

(3-4), (1-0), (1-2), (2-5)

Id-darbtejn rebbieħa tal-kompetizzjoni San Ġiljan Mercury Towers kellhom jitħabtu aktar milli mistenni biex għelbu l-isfida ta’ Valletta Izibet u l-aħħar sessjoni tqarraq bir-riżultat finali. B’hekk San Ġiljan jilagħbu kontra Sliema għal post fil-finali kontra Neptunes.

Il-Ġiljaniżi ma kinux fil-forma tas-soltu hekk kif ma bdewx isibu lil xulxin bħas-soltu u lanqas bdew ikunu preċiżi fil-konklużjonijiet kif ikun fil-maġġoranza tal-logħob. Mertu għal dawn id-diffikultajiet imur għal Valletta f’dik li kienet l-aħjar prestazzjoni tagħhom f’din il-kompetizzjoni. It-tim ta’ Zoran Maslovar kien aktar dixxiplinat speċjalment fid-difiża madankollu qatt ma kienu fil-vantaġġ waqt il-logħba.

Il-partita dehret li setgħet tkun faċli għal San Ġiljan hekk kif b’gowls ta’ Darren Zammit u doppjetta ta’ Mattias Ortoleva fetħu vantaġġ ta’ 3-0. Iżda Valletta naqqsu d-distakk b’gowls tal-veterani Michele Stellini u Niki Lanzon. Dino Zammit għamel l-iskor 4-2, b’Nikolai Zammit inaqqas id-distakk b’xutt li ħabat mal-lasta u Jake Tanti qabel daħal fix-xibka.

Valletta komplew jitjiebu u bdew jaqsmu l-logħob sew mal-avversarji. Niki Lanzon ġab id-draw b’xutt li ħasad lil Jake Tanti. Il-gowlkiper ta’ Valletta Thomas Micallef qeda dmiru sew fil-lasta Beltija. Waqt din is-sessjoni, Valletta pprotestaw meta wara li Micallef laqat lil Plumpton bil-ballun f’rasu, Plumpton deher ixejjer bis-sieq lil Micallef. Madankollu r-referee Stefan Licari li kien l-aktar viċin l-azzjoni, ma rax l-azzjoni u ħalla l-logħob għaddej.

L-andament tal-logħba baqa’ l-istess madankollu Valletta qatt ma rnexxielhom jiksbu l-vantaġġ għalkemm Lanzon kien wieġeb għal gowl ta’ Keith Galea. Ben Plumpton reġa’ poġġa lil San Ġiljan minn fuq b’gowl minn man-up 42 sekonda mit-tmiem tas-sessjoni. Fl-aħħar sessjoni, San Ġiljan urew is-supremazija tagħhom u wara li Plumpton għamilhom 7-5 fil-bidu tas-sessjoni, il-Ġiljaniżi rnexxielhom ikabbru l-iskor għal 11-5, b’Nikolai Zammit jnaqqas id-distakk lejn it-tmiem b’doppjetta.

Valletta: T. Micallef, P. Borg, E. Aquilina, M. Stellini (1), A. Agius, R. Mock, D. Paolella, N. Farrugia, M. Zammit (3), N. Zammit (3), N. Lanzon, R. Sciortino, K. Tanti, M. Mannino

San Ġiljan: J. Tanti, D. Zahra, A. Galea (2), D. Fero, R. Caruana, M. Zammit, B. Plumpton (3), J. Bonavia, D. Ciantar, Da. Zammit (2), K. Galea (1), Di. Zammit (1), G. Vassallo, M. Ortoleva (2)

Referees: Peter Balzan, Stefan Licari