Lokali

“Sitwazzjoni serja u skomda ħafna” – MDA

“Riżultat negattiv mill-FATF ikollu effett negattiv fuq l-ekonomija ta’ Malta b’mod ġenerali… sitwazzjoni serja u skomda ħafna.” – Huwa dan it-tħassib tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA) li qed tissorvelja mill-qrib it-theddida serja li Malta titpoġġa fuq il-lista l-griża tal-Financial Action Task Force (FATF). Din id-deċiżjoni fil-konfront tal-Gvern Malti mistennija tittieħed matul għada.

Il-Gvern Malti qiegħed taħt il-lenti tal-FATF hekk kif fl-aħħar snin naqas milli jieħu azzjoni kontra allegati kriminali li kienu jaħdmu qrib ħafna t-tmexxija ta’ Kastilja. Fi stqarrija, l-MDA spjegaw li jekk din it-theddida timmaterjalizza, l-effett negattiv fuq l-ekonomija b’xi mod jew ieħor jista’ jolqot lil kull settur. L-MDA saħqet li se tkun qed tappoġja kwalunkwe azzjoni li l-Gvern jista’ jieħu biex jissalvagwardja l-ekonomija ta’ pajjiżna.  Huma appellaw lill-Maltin kollha biex jikkoperaw mal-isforzi ta’ pajjiżna f’din il-kwistjoni – appell qawwi li sar ukoll mill-Oppozizzjoni Nazzjonalista.