Internazzjonali

Spanja: Maħfra kontroversjali għall-kapijiet Katalani

Il-Gvern ta’ Spanja ikkonferma maħfra formali għal disa’ kapijiet Katalani li kienu strumentali fil-kampanja (falluta) għas-separazzjoni tal-Katalonja mill-kumplament tal-pajjiż u li kienet waslet fl-eqqel tagħha lejn l-aħħar xhur tal-2017.

Dawn il-mexxejja kienu ntefgħu l-ħabs wara li, fl-2019, instabu ħatja dwar attivitajiet intiżi biex ‘itellfu l-istabbilità tal-pajjiż u jqajjmu arja ta’ rewwixta kontra l-Istat’. Tliet kapijiet Katalani oħra kienu kkundannati għal ‘atti ta’ diżubbidjenza’ iżda (dakinar tal-verdett) ma kenux ingħataw sentenzi ta’ priġunerija .

Intant, il-maħfra lill-kapijiet Katalani qajjmet kontroversja fi Spanja fost protesti minn għexieren ta’ eluf ta’ ċittadini.

Madankollu, il-Gvern Spanjol qed jinsisti li l-pass partikulari għandu jgħin biex ‘jikkalma l-irjus’ dwar ir-reġjun polemikuż ta’ Katalonja.

Ir-reġjun sinjur ta’ Katalonja jgawdi livell ta’ awtonomija mill-kumplament ta’ Spanja u l-ispinta determinata lejn l-indipendenza tiegħu, li rrankat kważi erba’ snin ilu, kienet tefgħet lill-pajjiż kollu fl-akbar kriżi (fuq livell nazzjonali) għal dawn l-aħħar erbgħin sena.